Mhux normali ddaħħal serp f’ħobbok u hawn bosta li qegħdin irabbuhom f’darhom. Dan minkejja li l-post naturali tagħhom huwa fil-kampanja. Iżda hawn ukoll l-irresponsabbiltà tal-bniedem qiegħda tkun ta’ detriment għal dawn il-kreaturi.
Filmat li ttella’ fl-aħħar sigħat juri kif serp Malti spiċċa b’rasu maqbuda f’bott ta’ xarba f’Selmun li inċidentalment jingħad li tagħti l-ġwienaħ lil bniedem.
Iżda f’dan il-każ, kien se jfisser it-tmiem tal-ħajja ta’ serp li ma kienx għal intervent f’waqtu minn Marvin Agius li b’ħeffa kbira rnexxielu joħroġlu rasu minn dan il-bott u jagħtih il-libertà.
Agius appella biex il-pubbliku li jżur il-kampanja Maltija jagħraf iżommm l-indafa u ma jħalli xejn warajh li jista’ jkun ta’ detriment għal dawn il-ħlejjaq.