Żagħżugħ ta’ 17-il sena mixli li seraq erba’ karozzi u farrakhom – One News

Notifiki

Żagħżugħ ta’ 17-il sena mixli li seraq erba’ karozzi u farrakhom

Żagħżugħ ta’ sbatax-il sena mill-Marsa ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-qorti mixli li seraq xejn anqas minn erba’ karozzi. Huwa ġie arrestat mill-pulizija wara li allegatament twaqqaf minn sid l-aħħar karozza li pprova jisraq it-Tlieta li għadda.

Iż-żagħżugħ li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti ġie mixli b’35 akkuża fosthom serq ta’ karozzi, hit and run, sewqan perikoluż u li saq bla liċenzja.

Fil-qorti ngħad li tmint ijiem ilu, iż-żagħżugħ seraq karozza ta’ Taljan li ħalliha għal ftit ħin mixgħula waħidha.

Fil-qorti l-prosekuzzjoni qalet li ż-żagħżugħ baqa’ dieħel bil-karozza fil-ħajt, hekk kif kien jagħmel meta kien jilgħab logħba tal-karozzi fuq il-kompjuter. Żied jingħad li ż-żagħżugħ ġie arrestat wara li t-Taljan telaq jiġri għal warajh u żammu fil-karozza sakemm arrestaw il-pulizija.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li ż-żagħugħ kien jisraq il-karozzi u jħallihom abbundunati wara li kien ifarrakhom.

Iż-żagħżugħ ċaħad li għamel ħsara lil terzi u li kiser ordni ta’ probation li ħarġet biss għaxart ijiem ilu.

Id-difiża ddeskriviet liż-żagħżugħ bħala każ soċjali u l-Qorti ordnat li jitħejja rapport biex jevalwa aħjar il-qagħda tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tal-ħelsien mill-arrest sakemm jiġu osservati kundizzjonijiet stretti u li ż-żagħżugħ ikun taħt superviżjoni kontinwa.

Iż-żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest u l-Qorti ordnatlu jiffirma l-għassa erba’ darbiet fil-ġimgħa, li ma joħroġx mid-dar bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu u jħallas garanzija personali ta’ elfejn ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend