Sentejn mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – One News

Notifiki

Sentejn mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Is-16 ta’ Ottubbru mmarka s-sentejn anniversarju mill-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hija kienet inqatlet f’karozza bomba tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mir-residenza tagħha fil-Bidnija.

Ħamsin jum biss wara dan il-każ, il-Pulizija Maltija bis-saħħa tal-evidenza li ġabret b’kollaborazzjoni mal-Federal Bureau of Investigation l-FBI, uffiċjali tal-Europol u esperti tal-forensika Olandiżi li kollha ġew Malta fuq talba tal-Gvern Malti ġew identifikati tliet irġiel suspettati li wettqu l-qtil.

Vince Muscat, Alfred Degiorgio u George Degiorgio ġew arrestati fl-4 ta’ Diċembru tal-2017 f’operazzjoni kbira mill-Forzi tal-Ordni kollha, f’dawk li kienu tined tal-patata fil-Marsa, 50 jum biss wara li allegatament wettqu dan ir-reat.

Tul is-sentejn li għaddew, fl-awli tal-Qorti nstemgħet ix-xhieda tal-prosekuzzjoni mmexxija mill-Pulizija Maltija fejn fost l-affarijiet instema’ kif il-bomba twaħħla mal-qiegħ tal-karozza li kienet ipparkjata quddiem id-dar ta’ Caruana Galizia u attivata b’mobile minn fuq dgħajsa li ħarġet mill-Port il-Kbir.

Sentejn wara li ġew arrestati, huma baqgħu jinżammu arrestati fil-ħabs ta’ Kordin. Illum jinsabu taħt att t’akkuża u qed jistennew il-proċess sabiex jgħaddu ġuri li mistenni jibda quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

Tul dan iż-żmien l-Gvern ħatar inkjesta pubblika indipendenti mmexxija minn l-Imħallef Emeritu Michael Mallia, mill-ex Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dr Anthony Abela Medici.

Fost l-affarijiet li se tkun qed jistħarrġu huma se jiddeterminaw jekk xi entità tal-istat kinitx taf jew kellhiex tkun taf b’riskju reali u immedjat fil-ħajja ta’ Caruana Galizia.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Minsitru kien qal li l-Gvern ħa din id-deċiżjoni b’konsistenza mal-pożizzjoni ċara li dejjem kellu, jiġifieri li m’hemm l-ebda diffikultà li tinħatar inkjesta pubblika ġaladarba jkun assigurat li din issir b’mod li ma timminax investigazzjonijiet u jew proċeduri kriminali li hemm pendenti dwar dan l-omiċidju.

Intant, rapport fil-ġurnal The Malta Indipendent xejjen artikli f’Times of Malta fejn kienu qalu li m’hemmx komunikazzjoni bejn il-Pulizija Maltija u l-esperti barranin tal-Europol u l-FBI.

Fil-fatt, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu lil The Malta Indipendent li bil-kuntrarju ta’ dak li kien rrappurtat, il-Pulizija Maltija jkollha diversi laqgħat dwar l-investigazzjoni kemm f’Malta kif ukoll barra mill-pajjiż. Is-sors qal ukoll li l-Europol qed tkun infurmata b’dak kollu li jkun għaddej u d-deċiżjonijiet qed jittieħdu b’mod konġunt.

Is-sors ta’ The Malta Indipendent nnota wkoll li ż-żewġ artikli ppubblikati riċentament fit-Times of Malta setgħu ħallew konsegwenzi serji fuq l-investigazzjoni tal-pulizija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend