Jean Pierre Debono jirriżenja minn kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista – One News

Notifiki

Jean Pierre Debono jirriżenja minn kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono, li kien ħobża u sikkina mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, irriżenja minn kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista.

Ir-riżenja ta’ Debono waslet ftit ġimgħat wara li kien involut f’argumenti ieħor ma’ bosta deputati mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil wara li ħadmu kemm felħu għall-vot ta’ sfiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Fuq Facebook huwa qal li se jkun qiegħed jmur jaħdem fis-settur privat u li se jkun qed jaħdem fuq il-kandidatura tiegħu fuq is-seba’ distrett.

Inċidentalment distrett li kien fil-qofol tal-inkwiet li kellu mal-fazzjoni ta’ Busuttil meta waħħal fid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li minħabba fih, il-poplu tas-7 distrett m’għandux deputati Nazzjonalisti min jirrappreżentah fil-Parlament.

Dan wara li kien ċeda s-siġġu tiegħu minn dan id-distrett biex minfloku tela’ Adrian Delia. Dan filwaqt li Fenech Adami b’insistenza tiegħu u l-barka tal-eżekuttiv Nazzjonalista ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-disrett lill-partit ieħor.

Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ ONE News sostnew li din ir-riżenja tfisser rebħa oħra għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li ma kinitx tara għajn m’għajn ma’ Debono.

Fl-aħħar snin Debono kien fil-qofol ta’ ġlied kbir u kontroversji kbar interni fil-Partit Nazzjonalista. Fost oħrajn ġie akkużat minn uffiċjali oħra tal-Partit ffalsifika firem bħala parti mill-proċess elettorali għall-ħatra ta’ Kap.

F’Ġunju  li għadda Debono ssemma wkoll f’allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet fil-vot li ttieħed fl-eżekuttiv Nazzjonalista għal co-option tas-siġġu flok l-ex deputat David Stellini.

F’Ġunju li għadda, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo talbu jirriżenja wara li ddeskrivieh bħala “xitan” u qabbel lilu u lil martu Kristy Debono ma’ lpup.

Ir-riżenja ta’ Debono ma kinitx fula f’qargħa. Fl-aħħar xhur il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħabbat wiċċu ma’ bosta riżenji fosthom ta’ David Stellini minn Deputat Nazzjonalista, u Mark Anthony Sammut mill-kariga ta’ President tal-Eżekuttiv.

Fost għadd uffiċjali li telqu wkoll mill-Partit Nazzjonalista kieh hemm Charlot Cassar, Norman Vella, Hermann Farrugia u Marion Pace Asciak.

Irriżenjaw ukoll żewġ teżoriera Nazzjonalisti – David Camilleri, u Antoine Zammit.

Kien hemm ukoll sensiela ta’ riżenji fil-midja Nazzjonalista, fosthom John Zammit minn editur politiku, Fabian Demicoli Kap tal-Aħbarijiet u Pierre Portelli minn Kap Eżekuttiv tal-midja Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend