Is-saħħa mentali tal-ħaddiem nħarsuha b’kundizzjonijiet tax-xogħol umani– Josianne Cutajar fil-Mental Health Alliance – One News

Notifiki

Is-saħħa mentali tal-ħaddiem nħarsuha b’kundizzjonijiet tax-xogħol umani– Josianne Cutajar fil-Mental Health Alliance

Il-benesseri tal-ħaddiem tiġi qabel kull mudell ta’ tkabbir ekonomiku, u dan għaliex l-ekonomija għandha taħdem għas-soċjetà, u mhux bil-kontra.

Dan enfasizzatu l-Membru Parlamentari Ewropew Dr Josianne Cutajar fl-intervent tagħha waqt laqgħa organizzata mill-MEP Alliance for Mental Health and the Global Alliance of Mental Illness Advocacy Networks.

F’din il-laqgħa, li għaliha attendew ‘il fuq minn 120 rappreżentant ta’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet fil-qasam tas-saħħa, Cutajar saħqet li l-impatt ta’ kampanji ta’ għarfien u edukazzjoni dwar is-saħħa mentali huma lkoll pożittivi, iżda mhux biżżejjed.

“Fuq kollox, il-perspettiva tal-ħidma tagħna trid tkun waħda wiesgħa u intersezzjonali, għaliex kull qasam soċjali jaffettwa s-saħħa mentali tagħna,” saħqet Dr Cutajar. F’dan is-sens, hija faħħret id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol approvata waqt l-aħħar leġiżlatura tal-Parlament Ewropew, għaliex din il-leġiżlazzjoni irrikonoxxiet il-bżonnijiet personali u familjari tal-ħaddiema.

Cutajar hawnhekk tkellmet ukoll dwar qasam ċentrali għall-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew: id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġija fil-post tax-xogħol. Filwaqt li dawn iwasslu għal xogħol iktar effiċjenti, produttiv, u dinamiku, Cutajar irrimarkat li dan għandu qabel xejn iwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, mhux agħar.

Fil-kuntest ta’ suq tax-xogħol li dejjem qiegħed jinbidel u jevolvi fl-hekk imsejħa gig economy, li bidlet il-mod ta’ kif ħaddiem jagħti xogħlu, rridu noqgħodu iktar attenti għal kif dan qiegħed jaffettwa lill-bniedem.

“Il-bidla jaf tkun pożittiva,” kompliet Cutajar, “iżda bħalissa, d-direttivi Ewropej mhumiex ikopru din ir-realtà ġdida, b’riskju li ċertu settur ta’ ħaddiema ma jkunux protetti mil-liġi.”

Il-Membru Parlamentari Ewropew saħqet ukoll li l-interazzjoni tagħna mat-teknoloġija, u l-iżvilupp tagħha, inkluż fil-qasam tas-sorveljanza u robotika, jridu jiġu studjati skont il-kapaċità tagħhom li jżidu s-sodisfazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

“Il-ħajja mhijix biss dwar gwadann ekonomiku, iżda jekk niżviluppaw il-leġiżlazzjoni u teknoloġija tagħna bilgħaqal, nistgħu nibnu soċjetà b’saħħitha li tistrieħ fuq l-innovazzjoni,” temmet Cutajar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend