Il-qofol tal-ewwel edizzjoni ta’ ‘Movember’ f’Malta se jintlaħaq fil-‘Movember Rock Ball’ – One News

Il-qofol tal-ewwel edizzjoni ta’ ‘Movember’ f’Malta se jintlaħaq fil-‘Movember Rock Ball’

Fil-15 ta’ Ottubru l-Fondazzjoni Marigold u TBWA\ANG ingħaqdu biex iħabbru flimkien il-Ballu ta’ Movember (Movember Rock Ball), fi tmiem tal-Ewwel Edizzjoni tal-kampanja Movember f’Malta. Minbarra d-donazzjonijiet li se jinġabru għal kawża ġusta, l-edizzjoni ta’ Movember Malta se tilħaq il-qofol tagħha bl-Ewwel Edizzjoni tal-Movember Rock Ball fit-23 ta’ Novembru. Imma qabel inkomplu niskopru fuq il-ballu u fejn se jsir, x’inhu eżatt Movember?

Dan hu l-uniku avveniment ta’ karità, fuq skala globali, marbut mas-saħħa tar-raġel tul is-sena kollha (www.movember.com). L-għan tiegħu hu li jkun hawn inqas irġiel li jmutu żgħar. L-irġiel jiġu mħeġġa jħallu l-mustaċċi biex jiġbru l-flus u jżidu l-kuxjenza fuq saħħithom, kemm fiżika kif ukoll mentali. Flimkien mal-Pink October Malta, Movember Malta qed turi li “li tkun raġel” ifisser li tieħu ħsieb il-biżgħat tiegħek u ma titfagħhomx taħt it-tapit: li tiċċekkja lilek innifsek kontinwament u tmur għal vista professjonali.

Il-konferenza stampa bdiet bil-preżentazzjoni ta’ Dr Vincent Marmara, li tqabbad mill-Fondazzjoni Marigold biex jirriċerka kemm huma konxji mill-kanċer l-irġiel. Mir-riċerka tiegħu ħareġ li huma biss 37% tal-irġiel Maltin li jafu kif jiċċekkjaw lilhom infushom, filwaqt li 66.1% ta’ dawk li wieġbu qalu li qatt ma għamlu dan. Fl-istess ħin, l-irġiel tal-ġenerazzjoni ż-żgħira huma aktar konxji fuq kif jistgħu jiċċekkjaw saħħithom stess, biex ma nsemmux li 90% ta’ dawk li wieġbu huma lesti li jagħmlu dan jekk juruhom kif, filwaqt li 97.9% jemmnu li hu importanti li jkun hemm iżjed għarfien fuq dan għall-pubbliku, ħaġa li tixhed li l-kuxjenza qed tikber bis-saħħa ta’ dawn l-isforzi kollettivi.

Is-Sinjura Michelle Muscat, f’isem il-Fondazzjoni Marigold, u s-Sinjura Fiorella Ellul, f’isem TBWA\ANG, imbagħad introduċew il-Movember Rock Ball. Is-Sinjura Muscat qalet li għalkemm “il-ħidma fuq din il-kampanja parallela kienet sfida, il-Fondazzjoni Marigold kburija li tellgħet il-kawża ta’ Movember fl-aġenda nazzjonali, u kattret il-kuxjenza billi mexxiet il-kelma”. Is-Sinjura Ellul għamlet osservazzjoni simili, u qalet li “aħna kburin u sodisfatti li kkollaborajna mal-Fondazzjoni Marigold biex noħolqu aktar kuxjenza fuq il-kanċer tat-testikoli u l-prostata, b’mod speċjali.” Filwaqt li rringrazzjat lis-sussidjarji tal-kampanja, spjegat li l-appoġġ għal kawżi bħal dawn huwa naturali għal TBWA\ANG, u l-kunċett ta’ ballu b’mużika rock huwa fl-istess ħsieb innovattiv tal-aġenzija li tmur lilhinn min-negozju.

Il-ballu se jsir is-Sibt 23 ta’ Novembru fil-lukanda Corinthia San Ġorġ u se jinkludi l-aqwa melodiji rock. Se jipparteċipa fih ukoll il-grupp mużikali lokali Skarlet, li se jagħtu wirja mużikali.

Meta tixtri biljett ta’ €45 tkun qed tagħti d-donazzjoni tiegħek għall-kawża, imma hemm metodi oħra kif tista’ tagħti l-flus: billi ċċempel 51702052 għal donazzjoni ta’ €15 jew 51802053 għal €25, inkella billi tibgħat messaġġ fuq 50619238 u tagħti €11.65.

U jekk qed taħseb “X’taqbad tilbes għal ballu bħal dan?”, it-tweġiba hi li “Fil-fatt, m’hemmx tibdila tajba jew ħażina”. Din hi opportunità unika biex tgħaqqad l-istil rock mal-ballu, mela tiddejjaqx tkun tixgħel u fl-istess waqt pulit!

Aqbad iż-żarbun taż-żfin u ixtri l-biljetti billi ċċempel fuq +356 79004897 jew +356 21310608, inkella ikteb lil [email protected] Tista’ tidħol ukoll fil-paġna tal-Facebook: tiny.cc/movemberball għall-biljetti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend