Il-Knisja twaqqaf l-attività ta’ ‘Dar il-Waħx’… l-organizzaturi se jħabbru post ġdid – One News

Notifiki

Il-Knisja twaqqaf l-attività ta’ ‘Dar il-Waħx’… l-organizzaturi se jħabbru post ġdid

Il-Knisja f’Malta ikkanċellat l-attività ta’ ‘Dar il-Waħx għal din is-sena li kienet ser issir fil-Kripta ta’ San Duminku fil-Belt Valletta bejn il-31 ta’ Ottubru, u l-1, 2, u 3 ta’ Novembru. Din is-sena l-attività annwali kienet ser tieħu xeħta differenti hekk kif fuq siti soċjali din bdiet tiġi rreklamata taħt l-isem ‘Dr. Thomas Charles Craig, Séance’. Kif qed tiġi rreklamata l-attività, permezz ta’ illużjonijiet psikoloġiċi kienet ser tkun qed tagħti togħma lil kull min jattendi, ta’ attivitajiet paranormali. L-irreklamar jgħid ukoll li tul l-ispettaklu ta’ siegħa il-karattru ta’ Dr.Thomas Charles Craig kien se jkun qed juża metodi u oġġetti tal-paranormal u l-okkult sabiex ilaqqa’ lil udjenza ma’ fantażmi u spirti, fosthom anke bl-użu ta’ uija board.

Madankollu filwaqt li fuq l-internet diġa jistgħu jinxtraw il-biljetti, meta ONE News staqsa numru ta’ mistoqsijiet lil Knisja f’Malta dwar l-attività, it-tweġiba kienet biss li ‘Din l-attività ġiet ikkanċellata.’

Din mhux l-ewwel darba li l-Knisja f’Malta ħarġet qatta bla ħabel kontra l-festi ta’ Halloween u għalhekk f’dan id-dawl ONE News staqsa għall-ewwel reazzjoni tal-Knisja f’Malta għal din l-attività u jekk tarax li attivitajiet bħal dawn iressqu lil pubbliku lejn l-okkult. Dan anke fid-dawl li din l-attività kienet ser tittella’ fil-Kripta ta’ San Duminku fil-Belt Kapitali. Staqsejna wkoll jekk din l-attività li ssoltu tingħata xeħta teatrali hux meqjusa mill-knisja bħala attività teatrali jew inkella waħda malizzjuża. Madankollu f’linja waħda ingħatajna r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet kollha hekk kif l-Kurja saħqet li din l-attività ġiet ikkanċellata. Għadu mhux magħruf x’se jkun il-pass li se jieħdu l-organizatturi li għal dawn l-aħħar snin għamlu l-attività ta’ ‘Dar il-Waħx’ appuntament annwali għal festa ta’ Halloween.

Il-post il-ġdid fejn se tittella’ din l-attività mistenni jitħabbar aktar tard fuq il-midja soċjali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend