Għawdex jipparteċipa fis-sitt konferenza internazzjonali ta’ ‘Greening the Islands’ – One News

Notifiki

Għawdex jipparteċipa fis-sitt konferenza internazzjonali ta’ ‘Greening the Islands’

Il-kisbiet, l-opportunitajiet u l-isfidi tal-gżira Għawdxija fil-kuntest tal-pjan nazzjonali tal-enerġija u tibdil fil-klima ġew diskussi waqt din il-konferenza internazzjonali li ġiet organizzata f’Palermo.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li Għawdex diġà beda jimplimenta wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-pjan nazzjonali biex il-gżira Għawdxija wkoll tikkontribwixxi f’din l-isfida globali. Hi elenkat uħud mill-miżuri li ġew imħabbra fil-baġit nazzjonali li għadu kif preżenta l-Gvern u li ser ikunu qed jikkontribwixxu bis-sħiħ biex dawn l-isfidi relatati mal-enerġija, t-trasport, l-ilma u t-trattament tal-iskart ġenerat jiġu indirizzati. Dan ukoll fil-kuntest  ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika bl-implimentazzjoni tal-istrategija Eko-Għawdex.

Il-Ministru Caruana qalet li fost il-miżuri ewlenin li diġà qegħdin jiġu implimentati hemm  dik tat-tnaqqis ta’ karbonju fl-arja, li se jsir billi tinbidel il-flotta ta’ vetturi tal-Ministeru għal Għawdex biex ikollna vetturi elettriċi, kif ukoll il-proġett tal-park and ride li ser tkun qed joffri servizzi permezz ta’ karozzi tal-linja elettriċi, bil-għan li nindirizzaw il-problema tal-parkeġġ fl-Imġarr kif ukoll ninkoraġġixxu modi ġodda ta’  trasport li eventwalment ser iwasslu għal inqas traffiku fit-toroq Għawdxin u għalhekk, arja aktar nadifa.

Il-Ministru għal Għawdex elenkat ukoll il-ħidma li qed issir biex jiġi preservat l-ilma tal-pjan u dan bil-bini ta’ reverse osmosis ġdida f’Ħondoq ir-Rummien, kif ukoll permezz ta’ eżerċizzju vast ta’ riabilitazzjoni tal-widien u bini mill-ġdid tal-ħitan tas-sejjieħ li ser jikkumplimenta wkoll il-karatteristiċi uniċi rurali ta’ Għawdex. Dan kollu jikkumplimenta l-istrateġija tal-Gvern li jkompli jintroduċi aktar faċilitajiet ta’ new water lill-bdiewa Għawdxin

Il-Ministru Caruana kkonkludiet li l-Gvern verament qed jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima hekk kif diġà ħabbar li s-single use plastics f’Malta ser jiġu eliminati sas-sena 2021. Hija missjoni tal-Gvern li Għawdex tassew iħaddan u jimplimenta politika, proġetti u inizjattivi biex ikollna ekonomija ekoloġika u blu li jkunu b’saħħithom, sostenibbli u li permezz tagħhom jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ xogħol.

Ritratt: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend