Ċifri tal-Eurostat juru li matul is-sena li għaddiet, Malta kompliet tnaqqas ir-rata ta’ persuni li jgħixu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Ir-rata f’Malta tal-persuni fir-riskju ta’ faqar is-sena li għaddiet kienet ta’ 19% li hija 2.7% anqas mill-medja Ewropea li kienet ta’ 21.7% li tirrappreżanta ftit aktar minn 109miljun ruħ fil-pajjiżi Ewropej.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li fl-aħħar ħames snin pajjiżna għamel titjib sostanzjali biex joħroġ lin-nies mill-faqar. Fil-fatt minn 115,000 ruħ fl-2013, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar naqas b’aktar minn 26,000 ruħ sal-aħħar tas-sena li għaddiet.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li 16-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandhom rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar aktar minn Matla. Fosthom l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit, il-Lussemburgu, il-Portugall, il-Belġju u l-Ungerija.
Dwar persuni mċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi, il-Eurostat qal li f’Malta dawn naqsu b’aktar minn 32,000 ruħ.
L-istatistika turi li l-għadd ta’ persuni f’din il-faxxa tas-soċjetà li fost oħrajn ma tkunx tista’ tiekol laħam u ħut darba iva u darba le, naqsu b’7%.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li din l-istatistika tixhed il-ħidma li saret fl-aħħar snin biex aktar persuni joħorġu mix-xibka tal-faqar.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr: “Kellna wkoll dak li ngħidulu severe material deprevation ta’ natura severa illi tlaqna minn 43,000 fl-2013 u llum wasalna għal 14,000. jekk issaqsi lili ngħidlek 14,000 żejda imma huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd illi fi 8 snin irnexxielna nġibu dawk li kienu jgħixu ġo faqar għal terz ta’ kemm kienu tmien snin ilu.”
Fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Ċeka bi 12.2% għandha l-inqas rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar fil-popolazzjoni tagħha waqt li l-Bulgarija bi 32.8% għandha l-akbar rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar fil-popolazzjoni tagħha.
Intant il-Eurostat qal li Malta hija fost l-inqas pajjiżi li għandhom nies jgħixu f’familji b’intensità baxxa ta’ xogħol.