Il-kwalità tas-servizz   – One News

Notifiki

Il-kwalità tas-servizz  

Mill-aħħar li ktibt, u nistqarr li ilu ftit mhux ħażin, servizz.gov għamel numru ta’ kisbiet. Filwaqt li komplejna nkunu fuq quddiem nett fil-proviżjoni ta’ servizz ta’ kwalità liċ-ċittadin, għaliex fl-aħħar mill-aħħar dan huwa dak li twaqqafna għalih, komplejna nkunu qrib iċ-ċittadin biex nifhmu aħjar l-aspirazzjonijiet u l-bżonnijiet tiegħu.

Il-Vuċi hija waħda mill-erba’ pilastri tas-Servizz Pubbliku. Konvinta li dwar dawn smajtu ħafna matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, imma ma nistax ma nenfasizzaw biżżejjed dwar il-bżonn li nifhmu xi jrid iċ-ċittadin biex effettivament, is-servizz li jkun se jiġi ddisinnjat, jilħaq il-livelli mixtieqa. Se mmur lura għall-Vuċi – matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tkellimna maċ-ċittadin b’mod dirett. Smajna x’inhuma l-ħtiġijiet tiegħu; u fit-tfassil ta’ servizzi ġodda u l-mod li bih jiġu ppreżentati lill-pubbliku, żgur li se jkunu qed jiggwidawna biex proprju noffru servizz ta’ kwalità.

U la qed insemmu l-kwalità tas-servizz ma nistax ma nsemmix il-Quality Label li ngħata servizz.gov għas-servizz ta’ kwalità li ta tul dawn l-aħħar snin. Il-Quality Label ingħatat lil dawk id-dipartimenti jew aġenziji li laħqu standards għoljin fl-għoti tas-servizz. U servizz.gov kien wieħed minnhom. Grati ta’ dan l-unur imma biex jinżamm irridu nassiguraw li l-proviżjoni tas-servizz tibqa’ waħda konsistenti u saħansitra tissupera l-aspettattivi tan-nies.

Għaldaqstant din il-Label, filwaqt li timlina b’fiduċja u sodisfazzjon, iġġib magħha wkoll ċertu rabta li servizz.gov jilqa’, bil-għan li nkunu dejjem aħjar mill-bieraħ fl-għoti tas-servizz.

Huwa minnu li flimkien għamilna passi kbar ’il quddiem. Illum mhux biss għandna Freephone 153 u ċ-ċentri reġjonali, imma għandna wkoll iċ-ċentri speċjalizzati, is-sit elettroniku www.servizz.gov.mt u l-app maltapps li permezz ta’ din l-għażla kollha, iċ-ċittadin jista’ jagħżel hu l-aktar mezz li huwa konvenjenti għalih biex jinqeda.

Spiċċa ż-żmien li ċ-ċittadin joqgħod iħabbel moħħu fejn irid imur biex jinqeda. Illum jagħżel kif irid jinqeda u jirċievi servizz ta’ kwalità minn fejn irid.

L-aspirazzjonijiet tal-pubbliku huma għoljin, għaliex meta ttejjeb is-servizz, il-ġdid faċli jindera. Iżda kif l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadin għolew, daqshekk ieħor se togħla u titensifika ruħha ħidmet servizz.gov biex inkomplu inkunu ta’ servizz għaċ-ċittadin u għal pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend