Clint Camilleri b’diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għal azzjoni konkreta dwar l-allegat inċidenti fl-ibħra bejn sajjieda Tuneżini u dawk Maltin – One News

Clint Camilleri b’diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għal azzjoni konkreta dwar l-allegat inċidenti fl-ibħra bejn sajjieda Tuneżini u dawk Maltin

Il-problema li qed jaffaċjaw sajjieda Maltin u Għawdxin fis-sajd għall-lampuki minn dgħajjes maħsuba ta’ Tuneżini kienet fil-qofol ta’ diskussjonijiet bejn pajjiżna u l-Kummissjoni Ewropea.

Dan waqt laqgħa tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd, fejn jidher li l-Kummissjoni se tkun qiegħda ssaħħaħ l-pożizzjoni ta’ Malta sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema.

Il-problema ilha għaddejja għal numru ta’ snin f’ibħra internazzjonali b’għadd ta’ sajjieda Tuneżini allegatament jaqbdu l-lampuki minn xkejjer li jkunu tpoġġew minn sajjieda Għawdxin u wara jkissruhom.

Iżda fl-aħħar ġimgħat żdiedu numru ta’ inċidenti rrapportati fejn sajjieda Maltin u Għawdxin qegħdin ikunu allegatament mhedda mit-Tuneżini b’armi bħal machetes u molotov cocktails.

F’xi okkażjonjiet dehret ukoll lanċa mlaqqma l-Bin Laden li thedded li tibqa’ dieħla fuq dgħajjes ta’ sajjieda Maltin.

Fid-dawl ta’ dan kollu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Clint Camilleri qal li l-Kummissjoni Ewropea se tkun ukoll qiegħda tressaq il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fil-Kummissjoni ġenerali għas-sajd fil-Mediterran fejn Malta se tkun qiegħda tagħmel il-parti tagħha biex tinstab soluzzjoni.

Is-Segretarju Camilleri stqarr: “L-awtortiajiet Tuneżini stess iridu jsolvu din il-problema għaliex qegħdin naħsbu li ħafna minn dawn il-bastimenti b’mod probabli ferm qegħdin jagħmlu dan is-sajd b’mod illegali u mhux liċenzjat.”

Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar diskussjonijiet li kien hemm rigward il-kwoti tat-tonn.

“Irridu naraw issa kif se nimmaniġġjaw l-istokkijiet tat-tonn kif ukoll tal-pixxispad sabiex ikollna wkoll stokkijiet sostenibbli fl-ibħra tagħna”, temm jgħid is-Segreatrju Camilleri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend