Tariffi tad-dawl orħos għal dawk b’vetturi elettriċi – One News

Notifiki

Tariffi tad-dawl orħos għal dawk b’vetturi elettriċi

Fil-Budget imressaq mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li dawk li għandhom karozza elettrika se jkollhom tariffi tad-dawl orħos meta jiċċarġġjaw il-vetturi minn ġewwa djarhom. 

Filwaqt li l-Gvern se jżid in-numru ta’ charging points, mis-sena d-dieħla dawk li jiċċarġjaw il-karozzi elettriċi fi djarhom se jibdew iħallsu ftit inqas minn tlettax-il ċenteżmu ta’ ewro għal kull unit ta’ elettriku użat.

Dan filwaqt li l-Gvern se jestendi l-għotja fuq roti u anki dawk elettriċi kif ukoll se jerġa’ jinċentiva x-xiri ta’ muturi u scooters elettriċi għal massimu ta’ erba’ mitt ewro.

B’rabta mal-ħarsien tal-ambjent tħabbar ukoll li sal-aħħar ta’ din is-sena se jitqiegħedu magni bi prova biex jinġabru l-kontenituri tax-xorb.

Dawn il-magni se jkunu hemm biex il-pubbliku jiffamiljarizza ruħu magħhom biex imbagħad sal-aħħar tas-sena d-dieħla dawn jkunu mxerrdin madwar il-pajjiż kollu.

F’pass drastiku li l-Gvern semma fil-budget, prodotti magħmula mill-plastik li jintużaw darba biss bħal frieket u skieken tal-plastik se jiġu pprojbiti li jkunu impurtati  u pproduċuti mill-bidu tal-elfejn wieħed u għoxrin u mis-sena ta’ wara anki l-bejgħ u t-tqassim tagħhom se jiġi pprojbit.

F’dan il-kuntest se jiġu mgħejjuna bi sħiħ il-ħwienet tal-merċa li se jiġu inċentivati biex jarmaw dawk imsejħa bħala green corners.

Huwa għalhekk li l-Gvern se jissussidja nofs l-ispejjeż ta’ dawn in-negozji sa massimu ta’ tliet elef ewro fejn dawk li jbigħu prodotti tal-ikel u tal-użin, bil-konsumatur jibda jieħu l-kontenituri tiegħu.

Is-saqaf tal-mina ta’ Santa Venera se jinbidel fi spazju miftuħ bis-siġar filwaqt li permezz tal-Malta Enterprise il-kuntratturi se jingħataw sa massimu ta’ mitejn elf ewro biex jinvestu f’makkinarju li jniġġes l-inqas.

Dan apparti sensiela ta’ miżuri li se jwasslu biex sal-elfejn u ħamsin, Malta tkun ħielsa mill-karbonju u b’hekk dawn huma passi li jmorru id f’id mal-indirizzar fit-tibdil tal-klima.

Is-sena d-dieħla wkoll il-Gvern se jħabbar id-data sa meta l-aħħar jistgħu jiġu impurtati karozzi li jaħdmu bid-diesel u l-petrol.

Wara din id-data karozzi petrol jew diesel xorta jistgħu jaħdmu iżda minn dik id-data l’hemm jistgħu jinxtraw biss karozzi li jaħdmu b’arja nadifa.

Il-Gvern se jkompli jieħu ħsieb l-ambjent b’sens wiesgħa fejn se jwettaq proġett ta’ afforestazzjoni anki f’postijiet bħal Kemmuna, l-Inwadar u l-Park tas-Salina fost l-oħrajn.

Dan minkejja li diġà bdew jitħawlu siġar f’Bengħajsa u f’Ta’ Qali.

F’Ta’ Qali ġew ivvotati l-ewwel żewġ miljun ewro biex isir il-park nazzjonali ħalli l-familji Maltin u Għawdxin ikollhom iżjed spazji miftuħa u ħin ta’ kwalità mal-għeżież tagħhom.

Dan apparti li kif semma l-Prim Ministru qabel, il-Gvern se jagħti prijorità lill-indafa pubblika li jeħtieġ tkompli titjieb.

Dan minbarra r-rijabilitazzjoni ta’ għadd ta’ widien il-ġmiel tagħhom li għandna f’pajjiżna u r-riġenerazzjoni u tisbiħ f’pajjiżna fejn mis-sena d-dieħla se jiġu żviluppati rotot li se jżidu l-aċċessibilità ta’ diversi żoni rurali u madwar il-kampanja.

Il-Gvern se jagħti wkoll għotja ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija tan-nefqa ta’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li l-pajjiż se jkompli jlesti għal għada, dik l-għada fejn ikollna impjant li l-iskart isir riżorsa importanti u jinbidel f’enerġija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend