Skema ġdida biex żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom – One News

Notifiki

Skema ġdida biex żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom

Wara li matul din is-sena, il-Gvern daħħal l-iskema tal-Equity Sharing biex jgħin persuni ta’ l fuq minn 40 sena jsiru sidien ta’ darhom, mis-sena d-dieħla, il-Gvern se jdaħħal skema oħra mmirata għal dawk taħt l-erbgħin sena li qegħdin isibuha diffiċli biex jiksbu self mill-banek.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li b’din l-iskema, il-Gvern bi ftehim mal-banek, se jissellef il-kapparra ta’ għaxra fil-mija li ż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu jħallsu f’daqqa. Dan id-depożitu li l-massimu tiegħu se jkun ta’ sbatax-il elf u ħames mitt ewro se jitħallas bin-nifs fuq medda ta’ ħmistax-il sena u l-imgħax fuqu se jitħallas kollu mill-Gvern.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Scicluna ħabbar ukoll li l-iskemi eżistenti li ddaħħlu fl-aħħar snin se jerġgħu jiġu estiżi għal sena oħra. Fosthom l-iskema fit-tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first u s-second time buyers, xiri ta’ proprjetà battala f’żoni ta’ konservazzjoni urbana, xiri ta’ proprjetà f’Għawdex u l-iskema ta’ rifjużjoni ta’ spejjeż fuq xogħol ta’ restawr.

Ħabbar li mill-għada tal-baġit, kull kuntratt li jsir fuq xiri ta’ proprjetà taħt l-iskema tal-first time buyers, se jkunu eżentati mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel mija u ħamsa u sebgħin elf ewro flok fuq l-ewwel mija u ħamsin elf ewro. B’din il-miżura issa l-first time buyers se jibdew jiffrankaw sitt elef u ħames mitt ewro.

Il-Minsitru Scicluna ħabbar ukoll tnaqqis fit-taxxa tal-boll għal kull min jixtri d-dar fejn joqħgod anke jekk mhux first time buyer u għal dawk li jirtu dar li mhix tagħhom bl-ammont li fuqu titħallas rata mnaqqsa ta’ 3.5 fil-mija se jitla’ għal 175 elf.

Tħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla aktar persuni se jkunu eleġibbli għas-sussidju tal-kera għall-akkomodazzjoni affordabbli. Dan hekk kif minn Jannar li ġej, se jiżdied id-dħul annwali li persuna taqla’ u xorta tkun eleġibbli biex tibbenefika minn din l-iskema.

Id-dħul annwali ta’ persuna waħidha se jitla’ minn 14,500 għal 19-il elf waqt li ghall-koppja b’żewġt itfal, se jiżdied minn 28,600 ewro ghal 32 elf.

B’dan il-mod, aktar persuni u familji bi dħul medju se jkunu eleġibbli għas-sussidju jekk il-kera taqbeż il-25% tad-dħul gross tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend