Investiment għall-operazzjonijiet robotiċi – One News

Notifiki

Investiment għall-operazzjonijiet robotiċi

Fis-settur tas-saħħa l-Gvern se jkompli jinvesti b’mod qawwi hekk kif se jiġu vvutati flus għall-apparat ġdid li kapaċi jagħmel operazzjonijiet b’sistema robotika, speċjalment fil-qasam tal-onkoloġija.

Punt notevoli ieħor fil-Budget imħabbar fil-Parlament huwa dak fejn il-Gvern se jintensifika l-investiment fil-kura primarja li tnaqqas pressjoni żejda fuq Mater Dei.

Wara ċ-ċentru reġjonali fin-nofsinhar ta’ Malta issa mistenni jinħoloq ieħor għat-tramuntana tal-pajjiż.

Il-Gvern semma wkoll l-isptar Monte Karmeli li se jkompli għaddej minn tiġdid id f’id mal-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali.

Dan apparti l-impenn għax-xiri ta’ mediċini ġodda fosthom dawk tal-qalb, ċirkolazzjoni, tal-kanċer, mard tal-ġilda u anki dak rari.

Għal dawk li jegħlbu l-ġlieda tal-marda tal-kanċer b’suċċess, il-Gvern se jindirizza wkoll il-bżonnijiet tagħhom b’għadd ta’ servizzi li se jintroduċi.

Intant dwar l-edukazzjoni l-Gvern se jestendi l-użu tat-tablet b’xejn fil-klassi.

Konxju mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li rrimarka kemm it-tablet serva ta’ għodda utli għat-tagħlim, mis-sena d-dieħla se jidħol proġett pilota biex l-użu tat-tablet issa jibda jintuża fl-iskejjel medji sekondarji, jiġifieri fis-seba’ u t-tmien sena.

Dan isegwi dak li hemm sa issa fejn tfal mir-raba’ sas-sitt sena fil-primarja għandhom it-tablet jikkumplimenta t-tagħlim fl-iskejjel.

Il-Gvern se jkompli wkoll jimmodernizza l-iskejjel Maltin u Għawdxin.

Apparti l-ftuħ tal-iskola primarja l-ġdida tal-Qawra, il-Gvern huwa impenjat li matul is-sena d-dieħla jibdew ix-xogħlijiet fuq il-bqija tal-blokkok tal-iskola taż-Żejtun, tinbena s-sala li qatt ma kien hemm fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija u anki jibdew it-tħejjijiet għall-bidu tal-iskejjel primarji tal-Imsida u dik tar-Rabat Għawdex.

Jikkumplimenta mal-immodernizzar u t-tisbiħ tal-iskejjel, mis-sena skolastika li bdiet, il-Gvern kompla jagħti trasport b’xejn lill-istudenti kollha fl-iskejjel kollha, inkluż dawk tal-knisja u indipendenti.

Apparti t-tnaqqis ta’ konġestjoni tat-traffiku u dak tat-tniġġis fl-arja, din il-miżura se terġa’ tara lill-familji jiffrankaw medja ta’ seba’ mitt ewro ewro fuq kull wild.

Il-Gvern se jivvota wkoll mas-seba’ miljun ewro fl-infrastruttura tal-Università u anki tal-MCAST sabiex l-istudenti jkollhom faċilitajiet aħjar fejn jiżviluppaw il-ħiliet akkademiċi u vokazzjonali tagħhom.

Dan apparti li fl-elfejn u għoxrin mistenni jibda x-xogħol tal-bini ta’ kampus ġdid tal-Istitut għall-Istitut għall-Istudji Turistiċi fi Smart City.

Dan biex ilaħħaq mad-domanda qawwija ta’ studenti li kull sena qed jagħżlu l-ITS biex jistudjaw fih u b’hekk ‘il quddiem isibu xogħol tajjeb fil-qasam turistiku u tal-ospitalità.

Fl-Università wkoll se jsir investiment ta’ teknoloġija avvanzata bħal blockchain u dan wara li Malta kienet l-ewwel pajjiż li tiċċertifika programmi edukattivi f’dan il-qasam teknoloġiku.

Fil-Budget il-Gvern ma nesiex lanqas it-tisħiħ tal-lingwa Maltija iżda anki se jinċentiva ż-żgħażagħ Maltin jistudjaw lingwa barranija f’pajjiż ieħor.

Fil-fatt dawk li jistudjaw barra anki fi programm bħal tal-Erasmus jistgħu jirċievu sa tmien mija u ħamsin ewro jekk jistudjaw lingwa barranija f’pajjiż ieħor.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend