Aktar nies igawdu mit-trasport pubbliku b’xejn – One News

Notifiki

Aktar nies igawdu mit-trasport pubbliku b’xejn

Mill-ewwel ta’ Jannar li ġej it-trasport pubbliku b’xejn se jingħata wkoll lill-anzjani li jagħlqu l-ħamsa u sebgħin sena.

B’din il-miżura li issa se testendi għaliex diġa hemm dawk żgħażagħ bejn erbatax u għoxrin sena li ma jħallsux imqar ċenteżmu wieħed għat-trasport pubbliku, se jintlaqtu b’mod pożittiv ukoll dsatax-il elf anzjan.

It-trasport pubbliku huwa ħolqa waħda minn kullana ta’ miżuri pożittivi li mistenni jimplimenta l-Gvern għas-sena d-dieħla.

Il-Gvern se jibqa’ għaddej bir-ritmu ta’ investiment qawwi bla preċedent fl-infrastruttura tal-pajjiż.

Għalhekk għall-elfejn u għoxrin il-Gvern qed jerġa’ jivvota mitt miljun ewro biex ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura fejn sas-sena d-dieħla se jkun lesta s-seba’ flyovers fil-proġett tal-junction tal-Marsa.

Dan apparti t-tliet kilometri u nofs ta’ passaġġi għar-roti u l-mixi fl-istess proġett.

Sas-sena d-dieħla l-Gvern rabat ukoll lilu nnifsu li jlesti l-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.

Il-Gvern se jkompli anki jindirizza l-isfida tat-traffiku fit-toroq tagħna u b’hekk wara l-approvazzjoni tal-proġett tas-Central Link se jibdew ukoll il-proġetti tal-flyovers fl-Imsida, it-twessigħ ta’ Triq Sant’Andrija u l-erba’ mini ġodda li hemm pjanati bejn Pembroke u San Ġiljan.

Permezz tal-aġenzija Infrastruttura Malta, il-pajjiż se jibda jkollu wkoll pontijiet pedonali b’rampi apposta biex ikunu jistgħu jgħaddu minnhom iċ-ċiklisti.

Diġà beda x-xogħol fuq żewġ pontijiet ta’ dan it-tip f’żoni traffikużi bħal Blata l-Bajda u l-Gudja u mistenni jibda ieħor fl-inħawi tal-campus prinċipali tal-MCAST biex b’hekk jingħaqdu l-inħawi ta’ Kordin mal-qalba ta’ Raħal Ġdid.

Kunċett ieħor li l-Gvern qed jagħtih importanza huwa l-konnettività fuq il-baħar.

Apparti l-investiment li qed isir biex ikollna l-vapuri li jorbtu ma’ diversi mollijiet f’diversi portijiet, se jsiru sejħiet ġodda biex jiżdiedu l-konnessjonijiet bil-baħar f’żoni ġodda, mhux biss dawk tal-Kottonera iżda anki Marsaxlokk, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar fost l-oħrajn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend