Il-prestazzjoni tal-Kummissarju Ewropew elett Malti Helena Dalli ġiet ikklassifikata mal-aqwa prestazzjonijiet li ngħataw mill- Kummissarji Ewropej nominati waqt is-smigħ li sarilhom fl-aħħar ġimagħtejn quddiem il-membri tal-Parlament Ewropew.
Dan joħroġ minn analiżi mill-aktar dettaljata li għamel is-sit awtorevoli Politico tal-prestazzjonijiet kollha li taw il-kummissarji nominati Ewropew minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Is-sit ikklassifika l-aqwa u l-agħar prestazzjonijiet li ngħataw mill-kummissarji nominati li riedu jikkonvinċu lill-ewroparlamentari Ewropej li jistħoqqilhom iservu fil-Kummissjoni l-ġdida ta’ Von Der Leyen għall-ħames snin li ġejjin.
Is-sit Poltico ikklassifaka l-presstazzjoni tal-Viċi President Frans Timmermans, Didier Reynder tal-Belġju, Stella Kyriakides ta’ Ċipru, Phil Hogan tal-Irlanda u ta’ Helena Dalli minn Malta fost l-aqwa prestazzjonijiet mill-kummissarji nominati.
B’punteġġ ta’ erba’ stilel minn ħamsa, Politico qal li l-ex Ministru għall-Ugwaljanza ta’ Malta Helena Dalli mill-ewwel xejnet argument ta’ ewroparlamentari tal-lemin estrem. Dan meta ddikjarat li d-dritt li bniedem jingħata ċ-ċans li jibdel il-ġeneru tiegħu se jwassal biex ikun hawn persuni li jqarrqu bir-regoli.
Hawnhekk is-sit Politico jikkwota t-tweġiba ċara u pronta li tat il-Kummissarju eletta Helena Dalli meta weġbitha li l-bidla fil-ġeneru mhix xi ħaġa li se taqbad u tagħmilha mil-lum għal għada jew fi kliem Dalli ‘a walk in the park’.
Fil-verdett tiegħu dwar Dalli, is-sit Politico żied jinnota li xhieda personali u b’saħħitha ta’ Helena Dalli impressjonat mill-ewwel lill-membri parlamentari Ewropej tant li wara biss ftit sigħat kien ċar li hija kellha l-maġġoranza meħtieġa biex tiġi kkonfermata. Fil-fatt hija kisbet iż-żewġ terzi tal-appoġġ meħtieġ biex għall-ewwel darba l-Kummissjoni Ewropea jkollha l-ewwel Kummissarju għall-Ugwaljanza.
Politico kklassifika l-prestazzjoni ta’ Dalli aħjar minn dik tal-Kummissarji Ewropej nominati mill-Awstrija, Spanja, Danimarka, mill-Islovenja, il-Polonja, il-Kroazja u Franza fost oħrajn li l-prestazzjoni tagħhom ġiet ikklassifikata fit-triq tan-nofs u fqira b’punteġġ ta’ tlieta u żewġ stilel.