Tibda s-sena akkademika għall-Università tat-Tielet Età f’Għawdex – One News

Notifiki

Tibda s-sena akkademika għall-Università tat-Tielet Età f’Għawdex

“Il-Ministeru għal Għawdex jappoġġja bis-sħiħ il-kunċett ta’ anzjanità attiva li rridu narawh jissaħħaħ f’Għawdex ukoll.” Dan qalitu l-Ministru Justyne Caruana waqt il-ftuħ tas-sena akkademika ġdida għall-Università tat-Tielet Età.

L-Università tat-Tielet Età f’Għawdex, li hi allokata fil-binja li l-Università ta’ Malta għandha fix-Xewkija, iżżomm għadd ta’ laqgħat li jibdew minn Ottubru u jibqgħu għaddejjin sa Ġunju. Tul dawn il-laqgħat, kull min jattendi, jassisti għal għażla vasta ta’ temi u suġġetti li jvarjaw minn informazzjoni fuq aspetti mediċi, letterarji, storja u anke informazzjoni ġeografika.

Il-Ministru Caruana qalet li dan il-kunċett tal-Università tat-Tielet Età jista’ jespandi aktar u jiġi msaħħaħ billi jiġu introdotti servizzi u klassijiet ġodda, u dan bil-kollaborazzjoni sħiħa mal-Università ta’ Malta.

“Permezz ta’ dawn il-laqgħat, l-anzjani tagħna mhux biss qed jingħataw informazzjoni akkademika utli iżda qed ikun attivi għax jiltaqgħu ma’ xulxin, jissoċjalizzaw u jaqsmu bejniethom esperjenzi varji. Huwa mezz li bih l-anzjani joħorġu mid-dar u jipparteċipaw bl-iktar mod sħiħ fis-soċjetà tagħna,” kompliet il-Ministru għal Għawdex.

Il-Ministru Caruana għalqet billi tenniet li l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex hu dak li joffri l-aħjar esperjenza lill-anzjani li waslu f’ din il-fażi ta’ ħajjithom u fakkret kif għal matul ix-xahar ta’ Ottubru li huwa x-xahar iddedikat lill-anzjani, il-Ministeru għal Għawdex ħejja diversi attivitajiet.

Ritratti – MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend