Dwar l-ambjent il-PN mhux kredibbli   – One News

Notifiki

Dwar l-ambjent il-PN mhux kredibbli  

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ jiddefendi lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi minkejja li kien parti minn amministrazzjoni li ħadet fost l-aktar deċiżjonijiet ambjentalment skandalużi f’pajjiżna.

F’Ġunju li għadda l-Kap Nazzjonalista kien qal li mhux se jaħli ħinu ma’ Azzopardi, iżda bilqiegħda ħdejh, Delia kellu jbiddel fehemtu u qal li hu kredibbli.

Meta mistoqsi jekk Jason Azzopardi huwiex kredibbli wara li qal li se jinjorah, Delia stqarr: ” Kieku ma naħsibx li Jason Azzopardi huwa kredibbli kieku mhux qegħdin bilqiegħda ħdejn xulxin.”

Il-ġimgħa filgħodu, Adrian Delia u Jason Azzopardi indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ambjent.

Jason Azzopardi qal li huwa kredibbli ħafna li jitkellem dwar dan is-settur. Dan anki jekk kien membru tal-kabinett u parti mid-deċiżjoni tal-ikbar estensjoni fiż-żoni ta’ żvilupp fl-2006 u bidel anke l-liġi biex seta’ jintuża l-Heavy Fuel Oil fil-produzzjoni tal-elettriku.

Meta ġie mistoqsi jekk huwiex kredibbli, Azzopardi wieġeb: “Iva jien kredibbli.”

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li mill-ekonomija għall-ambjent il-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira: il-kredibbiltà.

Jason Azzopardi ma tantx jista’ jitkellem dwar l-ambjent meta kien fil-Kabinett u parti mid-deċiżjoni tal-ikbar estensjoni fiż-żoni ta’ żvilupp fl-2006 u bidel anke l-liġi biex seta’ jintuża l-Heavy Fuel Oil fil-produzzjoni tal-elettriku.

Ara vera jrid ikollok il-wiċċ  biex illum tilgħabha tal-paladin tal-ambjent meta kont parti mill-iktar deċiżjonijiet ambjentalment skandalużi, sostna l-Partit Laburista.

In-nies jafu li l-PN mhux kredibbli, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend