“Minkejja li l-iżgħar pajjiż qed nuru li din hija ġlieda ta’ kulħadd” – Il-Prim Ministru Joseph Muscat – One News

“Minkejja li l-iżgħar pajjiż qed nuru li din hija ġlieda ta’ kulħadd” – Il-Prim Ministru Joseph Muscat

Għall-ewwel darba l-Gvern Malti ngħaqad ma’ bosta pajjiżi oħra minn madwar id-dinja u ppreżenta kontribuzzjoni lill-Fond Globali sabiex jinqerdu pandemiji bħat-Tuberkolożi, l-AIDS u l-Malajra li ta’ kull sena joqtlu eluf ta’ persuni.

F’diskors li għamel quddiem numru kbir ta’ mexxejja dinjin waqt is-6 edizzjoni tal-konferenza “Step Up the Fight” f’Lyon fi Franza, il-Prim Ministru Joseph Muscat ppreżenta għotja ta’ tliet mitt elf ewro li l-Gvern Malti għadda f’dan il-fond li laħaq il-mira ta’ 12-il biljun ewro.

Dan il-fond għandu l-għan li jsalva 16-il mijun ħajja fl-4 snin li ġejjin u jipprevjeni 234 miljun infezzjoni madwar id-dinja.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li minkejja li pajjiżna huwa wieħed mill-iżgħar stati fid-dinja, l-azzjoni tal-Gvern Malti qed turi li din hija ġlieda li hija fir-responsabbiltà ta’ kulħadd.

Il-President Macron faħħar din il-kontribuzzjoni ta’ Malta u stqarr li minkejja li b’rizorsi limitati fejn pajjiżi li huma ferm akbar minna, b’dan l-att Malta qed turi tmexxija.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru spjega li din il-kontribuzzjoni mhix l-unika ħidma li Malta qed tagħmel f’din il-kawża.

Fakkar kif f’Malta s-servizzi tas-saħħa diġà jikkontribwixxu biex jinqered mard bħat-tuberkulożi, fosthom billi tingħata għajnuna medika b’xejn lil migranti. Qal li mhux biss qed jiġu salvati mill-baħar iżda qed jirċievu screening u tilqim għal kontra tuberkulożi, fost għajnuna medika oħra.

Dr Muscat għamel referenza wkoll għall-fatt li fost it-52 każ ta’ tuberkulożi li ġew rrapportati f’Malta, 4% biss kienu pazjenti Maltin.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza li titneħħa l-istigma li teżisti fil-konfront tal-komunità LGTBIQ, u saħansitra liġijiet li jikkriminalizzaw lil din il-komunità.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr:“We might be the smallest state but we do not shy away from our humanitarian obbligations. Finally I would like to make a point before making our modus commitment that this fight cannot be limited to just healthcare. We have to be amplified and one of the points that was stressed by a number of colleagues was the need for equality, the need for respect and the decriminilisation where it comes to the LGBTIQ community. That is crucial.”

Waqt din il-konferenza, il-Prim Ministru kien akkompanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Ta’ QabelLi Jmiss