L-HSBC iħabbar bdil fl-operat tiegħu f’Malta – One News

Notifiki

L-HSBC iħabbar bdil fl-operat tiegħu f’Malta

Il-bank HSBC ħabbar riogranizzazzjoni fl-operat tiegħu f’pajjiżna minħabba dik li sejjaħ bħala bidla fil-mod kif il-klijenti jagħmlu użu mis-servizzi finanzjarji.

Il-Kap Eżekuttiv tal-bank Andrew Beane fisser kif din id-deċiżjoni hija mnebbħa mill-fatt li kull sena qed jiżdiedu sew in-nies li jużaw servizzi online flok jirrikorru fiżikament f’xi fergħa tal-bank.

Beane stqarr: “We’ve seen a sixty percent increase locally in the use of digital services at HSBC and a 10% reduction in each year in tradtional banking like cash and cheques. So the main consideration for us has been how do we position the business for the future to reflect the different ways consumers are consuming banking.”

Sal-aħħar ta’ din is-sena, disa’ fergħat tal-bank jagħlqu l-bibien tagħhom, fosthom f’Birżebbuġa, Bormla, l-Fgura, il-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. Il-fergħat f’Ħal Qormi u f’Ħal Balzan se jingħalqu wkoll iżda minflokhom se tinfetaħ fergħa ġdida u speċjalizzata fil-kwartieri tal-bank f’Ħal Qormi.

Il-bank se jżomm servizz ta’ ATM u ta’ depożitu f’kull lokalità fejn ħa tingħalaq xi fergħa.

Bħala parti mill-proċess ta’ riorganizzazzjoni, l-HSBC se joffri iżjed servizzi fil-fergħat fil-Belt Valletta, Raħal Ġdid, Tas-Sliema, il-Mosta u r-Rabat Għawdex. Jekk jintlaħaq qbil mal-union tal-impjegati tal-banek MUBE, f’dawn il-fergħat se jiżdiedu wkoll il-ħinijiet tal-ftuħ.

Il-bank se jiftaħ ukoll ċentri ġodda għal wealth management f’Birkirkara, il-Mosta, Raħal Ġdid, u s-Swieqi, filwaqt li se jiftaħ ukoll ċentri għall-konsumatur fil-Mellieħa, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ and San Ġwann.

Filwaqt li rrikonoxxa li dawn il-bidliet se jaraw tnaqqis fir-riżors uman, is-Sur Beane qal li dawn il-bidliet se jwasslu biex il-bank ikompli jopera b’inqas spejjeż iżda b’servizz aħjar.

“Whilst there will be less branches in the past I think there’ll be better branches, better flexibility, better locations for customers to come in to. There’ll be better locations for employees to work in and I think they’ll better integrate the digital solutions that the bank offers as well”, temm jgħid Beane.

Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni laqa’ l-pass proattiv tal-HSBC li jadotta dawn il-prattiċi ġodda fix-xenarju diġitali li jikkumplimentaw l-politika tal-Gvern f’dan il-qasam.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li jħares ‘il quddiem li jkun hemm konsultazzjoni mal-kommunitajiet affettwati direttament bl-għeluq tal-fergħat kif ukoll li l-ftuħ ta’ kontijiet bankarji bażiċi ikunu mħaffa u faċli.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend