Esplorati niċeċ ġodda ta’ koperazzjoni u negozju għal Għawdex – One News

Notifiki

Esplorati niċeċ ġodda ta’ koperazzjoni u negozju għal Għawdex

Waqt li attendiet u indirizzat sessjoni speċjali tal-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħadet l-opportunità biex tipparteċipa f’numru ta’ laqgħat bilaterali.

Dawn il-laqgħat kienu intiżi biex jiġu esplorati niċeċ ġodda ta’ koperazzjoni u kummerċ skont il-viżjoni li qed jimplimenta l-Ministeru għal Għawdex, ewlenin fosthom dik tar-riċerka u innovazjoni, turiżmu ta’ kwalità u tal-avvanz teknoloġiku fost l-oħrajn.

Filwaqt li kellha l-opportunità li tispjega l-avvanzi li qed jgħamel Għawdex, il-Ministru Justyne Caruana qalet li dawn il-kisbiet iridu jiġu sostnuti b’inizjattvi ġodda u kollaborazzjoni sħiħa ma’ diversi setturi ta’ interess partikolari għal Għawdex. Il-Ministru Caruana spjegat kif kellha laqgħat produttivi mal-Cruise Lines International Association fejn flimkien mas-Segretarju Ġenerali Tom Boardley ġie diskuss il-potenzjali li għandu Għawdex biex jattira vapuri tal-passiġġieri ta’ kwalità.

Laqgħat oħra nżammu mal-Europena Business Network, l-Assoċjazzjoni EU/China kif ukoll mal-European Regions Research and Innovations Network. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi niċeċ ekonomiċi ġodda ta’ kollaborazzjoni internazzjonali ma’ stakeholders kemm Ewropej kif ukoll internazzjonali.

Il-Ministru Caruana kienet ottimista li minn dawn il-laqgħat il-gżira Għawdxija ser tibbenifika fil-futur qrib f’diversi oqsma kemm permezz tal-pakketti finanzjarji vantaġġjuzi li joffri l-Ministeru għal Għawdex biex investituri barranin jirrilokaw f’Għawdex kif ukoll fl-investiment infrastrutturali li qed iseħħ kemm fil-Gozo Innovations Hub kif ukoll bit-tqegħid tat-tieni fiber optic cable.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend