Delia kellu l-evidenza dwar attività kriminali u baqa’ ma ħax passi – One News

Notifiki

Delia kellu l-evidenza dwar attività kriminali u baqa’ ma ħax passi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia naqas milli jieħu passi dwar allegat aġir kriminali minn membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista minkejja li għandu f’idejh evidenza li tissostanzjaha dan.

L-allegazzjoni saret minn Pierre Portelli, l-ex kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista fl-ittra ta’ riżenja tiegħu fl-14 ta’ Ġunju li għadda.

Dakinhar fi sfond ta’ inkwiet kbir fil-Partit Nazzjonnalista, allega li deputati fil-grupp parlamentari Nazzjonalista għenu attività kriminali minn terzi biex itajru lil Delia minn Kap tal-Partit.

Mistoqsi x’passi ħa dwar dawn l-akkużi serji li saru fil-konfront ta’ deputati tiegħu, Delia qal li meta sejjaħlu l-Kummissarju tal-Istandards wieġbu li ma kellu ebda informazzjoni.

Delia stqarr li “Għajjatli l-Kummissarju tal-Istandards fuq l-istess oġġett. Jien tkellimt. Jien m’għandi ebda informazzjoni li kien hemm ebda attività kriminali u kull min jaf b’attività kriminali jekk tasal għandi nieħu l-passi minnufih.”

Din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kien iddikjara Pierre Portelli f’Ġunju li għadda malli xiref ’il barra mid-Dar Ċentrali għall-aħħar darba bħala kap tal-midja Nazzjonalista.

Pierre Portelli qal: “Attivitajiet li saru minn terzi persuni kontra Adrian Delia u l-familja tiegħu li dawn il-persuni minkejja dak li għamlu u li Adrian Delia ġabar l-evidenza dawn ġew sostnuti u mgħejjuna minn xi wħud minn dawn il-persuni li qed insemmi jien.”

Dakinhar Portelli qal li Delia mexa b’kawtela kbira u ma kienx x’se jagħmel dak li għażel li ma jagħmilx Delia jiġifieri li jmur bil-każ għand il-Pulizija.

Mhux se nkun jien li nagħmel dak li għażel li ma jagħmilx hu. Mexa b’kawtela kbira u pprova kemm jista’ b’detriment ta’ ħajtu u tal-familja tiegħu pprova jikkalma l-ilmijiet”, tenna Portelli.

Hawnhekk saħansitra ddikjara li l-Kap Nazzjonalista kellu evidenza li kienet iddikjarata.

Portelli sostna: “Però hemm terzi persuni li għamlu affarijiet u nerġa’ ngħid, Adrian Delia għandu l-evidenza tagħhom u mhux għax mar jagħmilha ta’ investigatur imma għax għandu evidenzi dikjarati u din żgur m’għandhix tiġi permessa.”

Mistoqsi mill-preżentattur jekk tkellimx ma’ Portelli dwar dan il-każ, Delia qal li Portelli m’għadux funzjonarju tal-Partit Nazzjonalista. Dan minkejja li Pierre Portelli baqa’ fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

“Jien Pierre Portelli taf int jumejn wara dik telaq m’għadux funzjonarju tal-partit u lanqas tal-midja tagħna”, stqarr Delia.

Fix-xhieda tagħhom quddiem il-Kummissarju tal-Istandards kemm Delia u kemm Portelli naqsu milli jikkoperaw bil-konsegwenza li l-investigazzjoni ma waslet għal imkien.

Il-Kummissarju għall-Istandards kien ċar ħafna meta kiteb li dak allegat lilu seta’ kien materja li tintbagħat għand il-Kummissarju tal-Pulizija, xi ħaġa li Delia naqas milli jagħmel minkejja li skont Portelli, għandu l-evidenza f’idejh.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend