Uffiċċju ġdid għar-reġistru marittimu ta’ Malta fil-Greċja – One News

Notifiki

Uffiċċju ġdid għar-reġistru marittimu ta’ Malta fil-Greċja

Waqt żjara fil-Greċja, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura uffiċċju marittimu għal Malta li ġie stabbilit fil-bini tal-Ambaxxata Maltija fil-Greċja. Għal din l-okkażjoni kien hemm preżenti l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Greċja, is-Sur Joseph Cuschieri, iċ-Chairman ta’ Transport Malta s-Sur Joseph Bugeja, uffiċjali għolja ta’ Transport Malta u rappreżentanti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. 

 Din hija okkażjoni importanti hekk kif issa r-reġistru marittimu ta’ Malta ser ikun qed iħaddem uffiċċju reġjonali bl-għan prinċipali li jkompli jattira aktar investiment minn din l-industrija. Dan l-uffiċċju ser ikun qed jiffoka fuq il-promozzjoni tar-reġistru marittimu filwaqt li ser ikun punt ta’ riferiment għall-partijiet interessati kemm Griegi kif ukoll Maltin sabiex jiġu wkoll identifikati inizjattivi u niċeċ li jistgħu jkomplu jistimulaw attività kummerċjali fil-qasam marittimu f’Malta.

 “Ser inkomplu naħdmu, issa anke bis-saħħa ta’ dan l-uffiċċju, sabiex inżommu rapport eċċellenti mal-klijenti Griegi marittimi u b’hekk nassiguraw li s-servizz li jingħata minn Transport Malta ikun tal-livell mixtieq. Dan il-pass ser jagħtina possibilità li jkollna viżjoni aktar ċara ta’ dak li s-sidien tal-bastimenti Griegi jixtiequ u għandhom bżonn mir-reġistru tagħna, bl-għan finali li nkomplu nippjanaw strateġija li tilħaq l-objettivi tar-reġistru. Il-marittimu diġà qed jagħtina sodisfazzjonijiet kbar – reġistru li llum jista’ jiftaħar li huwa l-ewwel fl-Ewropa u s-sitt fuq livell internazzjonali, reġistru li llum qed jikkontribwixxi 12% tal-GDP ta’ pajjiżna u li qed jiġġenera 23,000 impjieg. Imma dan ifisser biss li rridu nkomplu naħdmu għall-aktar riżultati,” tenna l-Ministru Borg.

 Fil-fatt, sal-aħħar ta’ Settembru, ir-reġistru marittimu ta’ Malta kellu aktar minn 8,370 bastiment irreġistrat b’tunnellaġġ gross ta’ aktar minn 82.5 miljun, żieda ta’ aktar minn 6% fuq Diċembru li għadda u tkabbir ta’ aktar minn 60% fit-tunnellaġġ li jtajjar il-bandiera Maltija fl-aħħar ħames snin. 

 “Din l-inizjattiva hija pass ieħor biex ir-reġistru jkompli jimxi ’l quddiem b’mod proattiv u għalhekk il-ħidma koordinata bejn iż-żewġ Ministeri kif ukoll mal-Ambaxxata kienet importanti sabiex dan l-uffiċċju jiġi mwaqqaf. Issa bħala Ministeru responsabbli anke għat-Trasport, irridu nibqgħu naħdmu flimkien mal-Awtorità għat-Trasport sabiex il-bandiera tkompli tagħti ċertezza, stabilità u kunfidenza lil min jixtieq jinvesti f’pajjiżna. Irridu inkomplu nkabbru r-reġistru għaliex dan ma jfisser xejn ħlief aktar investiment f’pajjiżna u għalhekk aktar potenzjal ta’ impjiegi għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi,” tenna l-Ministru Ian Borg. 

 B’kummenti minn Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela stqarr li huwa objettiv prinċipali tal-Ministeru hu li jagħmel l-aħjar użu minn networks diplomatiċi sabiex il-pajjiż ikompli jibni relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra, jiddentifika opportunitajiet ġodda filwaqt li jippromwovi l-ekonomija ta’ pajjiż bil-għan li jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni tal-pajjiż barra minn xtutna.

 “Mhijiex b’kumbinazzjoni li r-reġistru marittimu ta’ Malta ser jiftaħ uffiċċju fil-Greċja. Ir-relazzjoni ta’ Malta mal-komunità Griega tmur lura għal ftit snin wara li ż-żewġ pajjiżi stabilixxew b’mod formali relazzjonijiet diplomatiċi,” innota l-Ministru Abela. Il-Ministru saħaq li dan l-uffiċċju l-ġdid ser ikun qed jippermetti lil Malta biex tkompli ssaħħaħ il-konnessjonijiet b’saħħithom li għandna mal-komunità Griega u biex tkompli ssaħħaħ l-preżenza tagħha mas-suq tas-shipping Grieg.

 Il-Ministru Abela kkonkluda billi wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol kollu li sar mill-Ministru Ian Borg, mill-uffiċjali tar-reġistru Malti fi ħdan Transport Malta kif ukoll għall-Ambaxxatur u l-impjegati tal-Ambaxxata Maltija fil-Greċja.

 L-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Greċja, is-Sur Joseph Cuschieri tenna, “Dan l-uffiċċju ser ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn ir-reġistru marittimu Malti u s-sidien tal-bastimenti Griegi – dawk li diġà qed itajru l-bandiera Maltija u dawk li aħna naspiraw li jingħaqdu mar-reġistru. Ir-rieda u d-determinazzjoni kienu fatturi importanti sabiex din l-inizjattiva setgħet tieħu forma, u dan ma kienx ikun possibli mingħajr il-Ministeri konċernati.”

 Il-Ministru Borg ipparteċipa ukoll f’konferenza marittima ġewwa Ċipru li għaliha attendew l-ogħla nies tal-industrija marittima. Il-Ministru kellu wkoll numru ta’ laqgħat ma’ diversi operaturi ta’ bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija fejn iddiskuta l-isfidi li qed tiltaqa’ magħhom l-industrija u kif r-reġistru Malti jista’ jsir aktar kompetittiv f’settur dinamiku u li dejjem qiegħed jevolvi.

 Ħajr għar-ritratti – MTIP/MFTP

Ta’ QabelLi Jmiss