Il-mużew marittimu tat-tunnara jerġa’ jingħata l-ħajja- Attrazzjoni storika fil-Mellieħa – One News

Notifiki

Il-mużew marittimu tat-tunnara jerġa’ jingħata l-ħajja- Attrazzjoni storika fil-Mellieħa

Beda l-proġett ta’ restawr fuq il-Mużew Marittimu tat-Tunnara fil-Mellieħa. Il-batterija li nbniet madwar tliet mitt sena ilu fi żmien il-Gran Mastru Perellos, se jsirilha restawr estensiv fil-faċċati, b’investiment ta’ nofs miljun ewro: li parti minnhom ġejjin minn fondi Ewropej għall-iżvilupp Reġjonali.

Ix-xogħol tar-restawr fuq il-faċċata, li diġà beda, mistenni jieħu disa’ xhur.

Il-Perit Joseph Attard semma kif il-faċċata se jkun qed iżarmawha biċċa biċċa biex ikun jista’ jsir ir-restawr fuq il-ġebla Mellieħija magħrufa bħala tas-sekonda.

Il-Perit, Joseph Attard stqarr: “Din hija ġebla pjuttost ratba, biss eventwalment, meta tħalliha taffaċċja n-natura, l-elementi naturali, trabbi l-patina tagħha u trabbi tip ta’ lega li tipproteġi din il-binja partikolari.”

 Il-Perit kompla jispjega li l-binja magħmulha minn żewġ qoxriet separati u li minħabba li daħal l-ilma bejniethom għamel ħsara l-faċċata ta’ barra.

Attard sostna: “Peress illi ġewwa ikun mimli bil-ħamrija u laqx, li ngħidulu maskan, dan għamel il-pressa u l-qoxra ta’ barra bdiet tispara.”

 Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Sindku tal-Mellieħa, Dario Vella, spjega l-importanza ta’ dan ir-restawr.

Vella spjega “Illum il-ġurnata bil-fondi li akkwistajna, dan il-ġoejjel mhux talli mhux ħa nitilfuħ, imma se jgawduh il-ġenerazzjonijiet tal-futur u anke turisti li jżuru l-lokalità tal-Mellieħa kuljum.”

 Il-mużew uniku jesponi fost l-oħrajn għodod li kienu jintużaw fil-mattanza. Il-mattanza hija il-mod tradizzjonali ta’ kif jinqabad it-tonn Meditteranju li ssibu biss f’Malta, Sqallija u s-Sardenja.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej Aaron Farrugia spjega kif fl-aħħar xhur, mill-fondi Ewropej tqassmu mat-tlieta u għoxrin miljun ewro għal skop kulturali u preservazzjoni u restawr ta’ wirt storiku.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia sostna “Tkellimt mal-Kunsill Lokali, qed niltaqgħu wkoll wieħed wieħed fejn naraw il-bżonnijiet tagħhom u mbgħad naraw bil-budget li Malta se tikseb fejn se mmorru u kif nistgħu ngħinuhom jiżvillupaw il-proġetti u l-ambizzjonijiet kollha tagħhom.”

 Malli jitlesta x-xogħol, il-Mużew tat-Tunnara se jinkludi wkoll spazji interattivi, kif ukoll esebizzjoni mifruxa fuq tliet tliet temi differenti.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend