‘Heritage Malta’ tistiednek tesplora l-moviment – One News

Notifiki

‘Heritage Malta’ tistiednek tesplora l-moviment

Jingħad li ż-żfin huwa l-lingwa tal-qalb u tar-ruħ. Il-bnedmin jiżfnu għal diversi raġunijiet – biex jagħtu gost, biex jiċċelebraw, biex jipprovokaw, biex jitfejjqu, biex juru ħilithom….. Imma l-moviment kif jieħu l-ħajja?

 Heritage Malta qed tikkollabora ma’ ŻfinMalta fit-tieni staġun ta’ Movimento sabiex tintroduċi ż-żfin kontemporanju lil udjenza aktar mifruxa. Permezz ta’ numru ta’ sessjonijiet, il-parteċipanti se jakkwistaw ħiliet partikolari u jsiru wkoll spettaturi attivi.

Il-ħames sessjonijiet ta’ Movimento se jitmexxew minn ħames artisti differenti li se jgħinu lill-parteċipanti biex jagħrfu l-għodda meħtieġa li biha wieħed jibni korjografija, kemm fiż-żfin u kif ukoll fil-ħajja. Kull espert se jkun assistit mill-kumpanija nazzjonali taż-żfin, u se jesplora l-kunċetti madwar ix-xogħolijiet li bħalissa qed jitfasslu minn ŻfinMalta.

Kull min (età rakkommandata minn 12 il-sena ‘l fuq) hu kurjuż dwar iż-żfin u kif jitfassal il-moviment huwa mistieden li jattendi. Is-sessjonijiet huma informali, informattivi, profondi, interattivi, u fuq kollox intriganti.

L-ewwel sessjoni ta’ Movimento se titmexxa minn Dr Victor Jacono, li se jkun qed jiddiskuti ‘L-Arti tal-Unità’. Din se ssir nhar il-Ħamis, 17 t’Ottubru fis-6.30pm fil-Mużew tal-Arti, MUŻA, fi Triq Merkanti, l-Belt.

Is-sessjonijiet l-oħra se jsiru f’Jannar, Frar, April u Ġunju 2020.

Wara s-sessjoni, il-parteċipanti jistgħu jgawdu minn roħs ta’ 15% jekk jieqfu għall-ikel fir-restaurant ta’ MUŻA.

Prezz: €10, €8 għall-anzjani, studenti u membri ta’ Heritage Malta.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta jew online. Għal aktar tagħrif żur is-sit tal-Aġenzija fuq https://heritagemalta.org/whats-on/

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend