Għall-ewwel darba – ebda priġunier ma rriżulta pożittiv għad-droga fl-aħħar xahar – One News

Notifiki

Għall-ewwel darba – ebda priġunier ma rriżulta pożittiv għad-droga fl-aħħar xahar


Ix-xahar li għadda kien l-ewwel xahar li fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordina ħadd mill-priġunieri ma rriżulta pożittiv għad-droga.

Dan żvelah id-Direttur tal-ħabs il-Kurunell Alexander Dalli wara li kull xahar qegħdin isiru testijiet tal-lawrina.

Id-Direttur tal-ħabs spjega li fl-aħħar xahar saru mitejn test fejn kulħadd irriżulta fin-negattiv  u fl-aħħar tlett xhur saru sitt mitt test tad-droga fuq il-ħabsin, bi priġunier wieħed biss kien pożittiv għad-droga.

Dalli stqarr: “Din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-ħabs li kellna xahar mingħajr droga.”

Fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin hemm aktar minn 660 priġunier imqassma fid-diviżjoni tal-Irġiel, tan-Nisa u ta’ dawk taħt l-età fl-Imtaħleb.

Dan l-istazzjon huwa infurmat ukoll li t-testijiet għad-droga saru l-aktar fuq dawk il-priġunieri li kienu magħrufa li jabbużaw mid-droga jew li kienu imexxu d-droga fil-ħabs hekk kif huwa sigriet magħruf li fil-passat id-droga fil-ħabs kienet iktar faċli ssibha milli takkwistaha barra.

F’dan il-kuntest il-Kurunell Dalli fakkar li dan ir-riżultat ġej wara investiment bla preċedent.

Dalli sostna: “Għandna ukoll body scanners li naraw oġġett illeċitu naqbduh qabel ma jidħol u biex nkun aktar dinjitużi nevitaw milli nagħmlu searches fuq min ikun dieħel l-ħabs.”

“Sar investiment mhux biss apparat imma anki fit-training, taħriġ u klieb. Dawn flimkien waslu għal dawn ir-riżultati.”

Id-direttur tal-ħabs Alexander Dalli saħaq li dan mhux biżżejjed u filwaqt li se tkompli l-ġlieda kontra d-droga fil-ħabs, irid lill-professjonisti jgħinu aktar b’mod ħolistiku lill-priġunieri.

“Għadu mhux biżżejjed. Għandna ħafna professjonisiti li flimkien nkomplu naħdmu u ngħinu lil dawn in-nies li kellhom problema tad-droga joħorġu minnha”, temm jgħid Dalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend