Ġew irtirati s-sensji li ħarġu mill-ELC – One News

Notifiki

Ġew irtirati s-sensji li ħarġu mill-ELC

Il-Gvern ħabbar li l-kumpanija ELC li hija responsabbli minn xogħlijiet ta’ tisbiħ u landscaping  ta’ pajjiżna rtirat l-ittri ta’ sensja li ħarġet lill-ħaddiema tagħha.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent assigura li dan ix-xogħol se jkompli jingħata u jittejjeb bil-għan li jirrifletti n-neċessitajiet aġġornati.

Il-Ministeru qal li jrid jassigura x-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll li s-servizz jingħata b’mod li jirrispetta l-aspetti ta’ trasparenza, effiċenzja u governanza tajba.

Ħabbar li diġà skatta l-proċess sabiex tkun tista’ tinħareġ sejħa pubblika. Dan wara r-rakkomandazzjonijiet identifikati fir-rapport tal-Awditur Generali dwar dan il-kuntratt li beda fl-2002 u baqa’ jiġġedded b’mod sussegwenti mingħajr l-ebda sejħa pubblika.

Il-Ministeru qal li għaddej b’diskussjonijiet avvanzati mal-konsorzju eżistenti biex jintlaħaq ftehim li jkopri perjodu  tranżitorju.

Qal li permezz ta’ dan kollu, kif ukoll bis-saħħa tad-direttivi Ewropej f’każ li dan il-kuntratt jintrebaħ minn ħaddieħor, il-ħaddiema huma garantiti x-xogħol tagħhom.

Għalhekk qal li l-ittri ta’ sensja li ħargu mill-ELC ser jiġu rtirati.

Intant, aktar tard, fi stqarrija konġunta, il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, flimkien mal-konsorzju ELC, qegħdin itennu li llum komplew taħdidiet kordjali bejn il-partijiet bil-għan li effettivament jiġu mħarsa l-impjiegi tal-ħaddiema. Dan filwaqt li jiġi assigurat li matul dan il-perjodu trażitorju jinżamm livell ekwu ta’ tisbiħ u landscaping f’pajjiżna.

F’dan l-istadju, il-partijiet qegħdin jilqgħu b’mod pożittiv dawn l-avvanzi li seħħew fl-aħħar sigħat, liema diskussjonijiet huma intiżi sabiex ikopru l-perjodu tranżitorju. Il-konsorzju ELC jista’ jikkonferma li llum qiegħed jirtira l-ittri ta’ sensji lill-ħaddiema maħruġa lbieraħ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend