Persuni li jbatu biex jintegraw fis-soċjetà ħa jibdew jgħixu f’dar ‘il bogħod mid-dar – One News

Notifiki

Persuni li jbatu biex jintegraw fis-soċjetà ħa jibdew jgħixu f’dar ‘il bogħod mid-dar

Dar bħall-oħrajn imma speċjali. F’qalb il-komunità imma għandna għan speċjalizzat. ‘Il bogħod min-nassa fina tal-esklużjoni u navviċinaw sitwazzjoni ta’ reintegrazzjoni b’idejn miftuħin. 

Kompetizzjoni li ħejjiet il-Kamra tal-Periti flimkien mas-Segretarjat għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorità tad-Djar tat iċ-ċans lil numru ta’ periti sabiex jistabbilixxu disinn għal żewġt idjar bil-għan li tingħata għajnuna speċjalizzata sakemm il-persuni li joqogħdu fihom jintegraw fis-soċjetà.

B’investiment ta’ nofs miljun ewro il-Gvern għadda żewġt idjar abbandunati lil żewġ għaqdiet mhux governattivi. Il-periti rebbieħa ser jaħdmu fuq id-djar b’mod li jassiguraw inklussività u jħarsu l-bżonnijiet tar-residenti.

Il-Fondazzjoni Richmond li taħdem ma’ persuna bi problemi ta’ saħħa mentali ser jingħataw dar f’Bormla li ser toffri servizz lill-ommijiet bi problemi ta’ saħħa mentali. Il-Perit Alexia Mercieca minn Local Office ser tkun waħda mill-periti li ser taħdem fil-proġett.

Hija qaltilna “Aħna diġà naħdmu fir-riċerka fis-saħħa mentali jiġifieri għalina meta smajna li kien hawn din l-okkażjoni li nieħdu sehem f’dan it-tip ta’ disinn dħalna għaliha bil-qalb mill-ewwel. L-għan tagħna hu li tkun vera dar u li n-nisa u t-tfal tagħhom li ħa jkunu qegħdin jgħixu hemm ma tkunx biss dar imma jkollhom post li jkun l-ewwel link għall-komunità.”

It-tieni dar tinsab fil-Birgu u ser tingħata lill-organizzazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl filwaqt li l-uffiċċju Openworkstudio ser ikun responsabbli biex jagħti xejra ġdida lil dan il-post. Din l-organizzazzjoni toffri akkomodazzjoni u terapija lill-priġunieri biex jintegraw lura fis-soċjetà meta jiskontaw is-sentenza tagħhom.

Il-Perit, Greta Caruana stqarret “Jagħtina l-opportunità li nikkontribwixxu għal komunità b’mod naqra delikat, fejn hemm l-iktar bżonn. Din l-idea, l-iskop ġegħelna naħsbu ħafna, ġegħelna nitkellmu ħafna, iddiskutejna fuq x’hemm bżonn u naħseb il-punt l-iktar prinċipali kien li nippruvaw nintegraw diversi aspetti.”

Is-Segretarju Parlamentaru Roderick Galdes saħaq li rridu nħarsu lejn l-akkomodazzjoni bħala għodda li tiffaċilità l-integrazzjoni filwaqt li tkompli tkattar is-sens komunitarju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend