Ir-Renju Unit qed jipprepara fl-eventwalità li n-negozjati mal-UE jfallu – One News

Notifiki

Ir-Renju Unit qed jipprepara fl-eventwalità li n-negozjati mal-UE jfallu

Sorsi f’Downing Street qalu li wara telefonata bejn il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angel Merkel, kollox jindika li huwa essenzjalment impossibbli li jintlaħaq ftehim dwar Brexit

Johnson tkellem ma’ Merkel dwar il-proposti li ressaq quddiem l-Unjoni Ewropea l-ġimgħa l-oħra fi Brussell, iżda s-sorsi qalu li ftehim bejn iż-żewġ partijiet x’aktarx ma jintlaħaqx.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk indirizza lil Boris Johnson fuq Twitter, fejn kiteb u fakkru li fin-nofs hemm l-Ewropa u r-Renju Unit, flimkien mas-sigurtà u l-interessi tal-poplu li jinsabu f’riskju.

Intant, jidher li l-Gvern Ingliż qed iħejji għall-eventwalità li jfallu n-negozjati mal-Unjoni Ewropea.

Sorsi minn Downing Street qalu li l-Unjoni Ewropea mhix turi impenn biex jintlaħaq ftehim, għalkemm xorta mhux ikun eskluż li jintlaħaq ftehim.

Ir-Renju Unit ppreżenta sett ta’ proposti ġodda fi Brussell il-ġimgħa l-oħra, b’Boris Johnson iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tiddiskuti jekk tkun trid tiċċara xi affarijiet.

Fl-aħħar xhur, il-Prim Ministru Ingliż tenna kemm-il darba li r-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 t’Ottubru, kemm jekk jintlaħaq ftehim u anki jekk ma jintlaħaqx.

Intant, dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat Ingliż dwar Brexit Stephen Barclay, u miegħu ddiskuta l-istess suġġett.

Fost dawk preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kummissarju Għoli Ingliż Stuart Gill, u l-Ministru għall-Ugwaljanza u l-Affarijiet Ewropej Malti Edward Zammit Lewis.

Ritratt: Reuters

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend