Adrian Delia jitlob inkjesta li ilha għaddejja żmien – One News

Notifiki

Adrian Delia jitlob inkjesta li ilha għaddejja żmien

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qed jitlob inkjesta maġisterjali fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Iżda, inkjesta maġisterjali tkun inħatret immedjatament wara li jseħħ il-każ u għalhekk issa ilha għaddejja żmien.

Delia għamel it-talba tiegħu fi tweet li waslet għar-reazzjoni tal-Partit Laburista li nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qed iġib il-fatti bażiċi ħżiena.

“Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jafx x’qiegħed jgħid meta issa qiegħed jitlob inkjesta maġisterjali indipendenti fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li dwaru hemm ukoll tliet persuni akkużati quddiem il-qorti,” qal il-Partit Laburista.

Fl-istess stqarrija kien innotat kif wara iktar minn 24 siegħa jipprova jirkeb fuq storja f’gazzetta issa ħareġ b’din it-talba ġdida.

“Iżda, kull min segwa l-każ jaf li l-inkjesta maġisterjali diġà teżisti,” qal il-Partit Laburista.

Fil-fatt l-inkjesta maġisterjali baqgħet għaddejja anke wara li tressqu n-nies il-Qorti akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Riċentament, imbagħad il-Prim Ministru ħatar inkjesta pubblika indipendenti li għalkemm hemm qbil fuq l-Imħallef li ntgħażel biex imexxiha kien hemm attakk mill-Partit Nazzjonalista fuq persuni li nħatru biex ikunu parti minnha.

Dwar l-aħħar talba ta’ Delia l-Partit Laburista temm jgħid: “Għax spiċċa maħkum mill-fazzjoni fil-Partit Nazzjonalista li tkun trid tippolitiċizza kollox Delia spiċċa jagħmel talbiet li ma jagħmlux sens.

Mitlub jikkummenta dwar da nil-każ mit-Times of Malta kelliem għall-Partit Nazzjonalista ma spjegax l-iżball ta’ Adrian Delia, iżda qal biss li tal-inqas il-Kap tal-Partit jitkellem.

Il-Partit Laburista qal ukoll li dikjarazzjonijiet ta’ dan it-tip juru kif l-Oppożizzjoni spiċċat konfużjoni sħiħa fejn lanqas il-bażiku ma ġġib tajjeb, aħseb u ara kemm tista’ tafdaha tieħu d-deċiżjonijiet.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend