Jitnieda l-‘Birgu Fest’ 2019 – One News

Notifiki

Jitnieda l-‘Birgu Fest’ 2019


Is-Sibt li ġej il-belt storika tal-Birgu se terġa’ tiddawwal biss bix-xemgħat flok l-elettriku waqt edizzjoni oħra tal-Birgu Fest, avveniment kulturali li joħroġ fid-deher is-sbuħija u l-istorja ta’ waħda mill-ibliet storiċi Maltin. 

L-edizzjoni ta’ din is-sena tnediet fil-kunsill Lokali tal-Birgu fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.

L-attrazzjoni ewlenija mistennija terġa’ tkun id-dawl inemnem tax-xemgħa li r-residenti Ġirbin jżejnu djarjhom u t-toroq tagħhom bihom. Din is-sena aktar minn edizzjonijiet preċedenti, il-Kunsill ħa ħsieb juża kontenituri tal-ħġieġ minflok tal-plastik biex iżommu x-xemgħat.

Is-Sindku tal-Birgu John Boxall spjega li l-Kunsill se jimpenja ruħu biex l-użu tal-ħġieġ jibqa’ kostanti fl-organizzazzjoni tal-Birgu Fest.

Is-Sur Boxall stqarr: “Il-Birgu by Candlelight ma jistax isir aktar bil-plastik. Għalina eħfef il-plastik u anke għar-residenti li jnewwlulek, imma mhux se tirrifletti serjetà fuq il-Kunsill jekk jibqa’ jagħmel din l-attività bil-fliexken tal-plastik.”

Huwa għalhekk li issa l-Kunsill se jdur bieb bieb u jilqa’ donazzjonijiet tal-kontenituri tal-ħġieġ minn residenti li sa minn xhur qabel l-attività jagħtu daqqa t’id fl-organizzazzjoni.

Bil-għan li l-attività tkun dejjem aktar sigura l-Kunsill qed jappella minn issa biex kull min bi ħsiebu jżur il-Birgu Fest isegwi l-istruzzjonijiet tal-Pulizija u juża trasport alternattiv.

“Għandna pjanati tliet siti fejn jistgħu jipparkjaw, ir-Rinella, ħdejn il-grawnd tal-Hibs, u anke Garden Road fil-Fgura. Għandek il-lanċa li se tibqa’ taħdem sa’ kmieni filgħodu u t-trasport pubbliku. Qed nippruvaw inressqu n-nies kemm jista’ jkun fil-kumdità”, sostna s-Sur Boxall.

Is-Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis faħħar il-ħidma tal-Kunsill fl-organizzazzjoni ta’ din attività u ddeskrivieh bħala eżempju eċċellenti ta’ Gvern Lokali.

Il-Birgu Fest se jittella’ fit-12 ta’ Ottubru li ġej mill-4 ta’ waranofsinhar ‘il quddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend