Investiment ta’ €12-il miljun għar-riforma edukattiva tal-‘My Journey’ – One News

Notifiki

Investiment ta’ €12-il miljun għar-riforma edukattiva tal-‘My Journey’

Is-suġġetti vokazzjonali m’għandhom xejn inqas minn dawk akkademiċi. 

Dan stqarru l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni stqarr li “Irridu li l-istudenti tagħna jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn sabiex jiżviluppaw għas-soċjetà ta’ għada u l-qasam tax-xogħol b’mod tajjeb.”

Fl-iskola taż-Żokrija l-Mosta dan l-istazzjon tkellem ma’ Jean Paul Attard, għalliem tal-inġinerija li spjega l-esperjenza vokazzjonali li qed jingħataw l-istudenti fil-klassi.

“Is-suġġetti akkademiċi juruk ħafna teorija teorija teorija u ftit żgħira tarhom fil-prattika, imma fil-verita’ meta qed tgħallem suġġetti applikati qed tieħu l-feel, eżempju fil-każ tiegħi l-engineering l-għodda kif fil-verita’ qegħda u ċertu affarijiet li mhux kif tuzahom, imma x’responsabilta’ għandek meta tuzahom”, sostna Attard.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal kif l-istudenti qegħdin jitgħallmu l-ħiliet li imbagħad isibu fuq il-post tax-xogħol. Żied jgħid kif bħalissa hemm ingaġġati 113-il għalliem, b’madwar 80 minnhom ġew imħarrġa fl-aħħar żmien.

Minn din is-sena skolastika li għadha kemm bdiet, madwar 60% tal-istudenti tat-tielet sena tas-sekondarja qed jistudjaw suġġetti vokazzjonali bħala parti mill-programm edukattiv ‘My Journey’.

B’investiment ta’ 12-il miljun ewro ġew irranġanti u mibnija 80 laboratorju flimkien mal-apparat li qegħdin jintużaw mill-istudenti u l-għalliema.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima saħaq li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ żgħażagħ li m’humiex parti mis-sistema edukattiva jew fis-suq tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari Grima qal li “Permezz tagħhom qegħdin nassiguraw ilhi s-sistema edukattiva tagħna tkun verament waħda ġusta, waħda ekwa ilhi tagħti l-opportunitajiet lil kulħadd sabiex kulħadd jiżviluppa b’mod sħiħ.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend