Il-PM ltaqa’ mal-qraba ta’ Caruana Galizia – One News

Notifiki

Il-PM ltaqa’ mal-qraba ta’ Caruana Galizia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li ltaqa’ mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u r-rappreżentanti legali tagħhom dwar l-inkjesta pubblika li ħatar il-Gvern dwar il-qtil tal-ġurnalista. 

Il-Prim Ministru qal dan fil-Parlament bi tweġiba għal dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia b’rabta ma’ rapport fil-gazzetta The Times.

Dr. Muscat ma eskludix li jkun hemm laqgħat oħra mar-rappreżentanti legali tagħhom.

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat stqarr: “Nista’ nikkonferma li kelli laqa’ mal-familja Caruana Galizia u r-rappreżentanti legali tagħhom, naħseb se jkun hemm laqgħat oħra fiż-żmien li ġej u nimxu minn hemm.”

Il-Prim Ministru qal li mhux se jispekula dwar informazzjoni li setgħet ġiet ippubblikata dwar il-każ.

Il-Prim Ministru spejga kif “Meta nagħtu informazzjoni li t-tali jew it-talija qed jiġu investigati, qed ngħinu biss il-persuna li tista’ tkun li qed tiġi investigata għaliex ngħarrfuha li l-Pulizija qed tfittixha allura mhux se nikkummenta f’dan ir-rigward.”

Meta l-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux se ‘jaġġorna’ lill-pubbliku dwar l-investigazzjoni li għaddejja, il-Prim Ministru wieġeb hekk.

“Għandi r-riżervi tiegħi dwar kemm kwalunkwe persuna inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jgħid pubblikament lil min qed jinvestiga jew le għaliex naħseb li jkun imminat kwalunkwe proċess li jkun hemm għaddej”, sostna l-Prim Ministru, Joseph Muscat.

Intant b’reazzjoni għal stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista li fiha allega li l-Prim Ministru ma jridx li ssir ġustizzja f’dan il-każ, il-Partit Laburista qal li Delia tant jinsab fil-qiegħ f’dak li hu appoġġ u fiduċja li qiegħed jipprova jaqbad ma’ każ sensittiv bħal dan bil-għan li jipprova jiskorja xi punti politiċi.

Il-Partit Laburista qal li Adrian Delia ma fehemx li politiku serju ma jpoġġix investigazzjoni sensittiva dwar każ serju bħal dan fl-arena partiġġjana.

Qal li kif spjega l-Prim Ministru, min jagħmel hekk ma jkunx qed ifittex ġustizzja, iżda jfixkilha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend