Ċifri li jirreflettu żieda fit-turisti partikolarment minn swieq ġodda – One News

Notifiki

Ċifri li jirreflettu żieda fit-turisti partikolarment minn swieq ġodda

Il-Ministeru għat-Turiżmu jilqa’ ċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn hija evidenti ż-żieda li saret f’Awwissu ta’ 6.7% ikkumparat mas-sena li għaddiet. Din iż-żieda tfisser 21,268 aktar turisti fix-xahar ta’ Awwissu u jammontaw għal 338,758 turist. 

Wieħed jinnota li f’Awwissu wkoll, kien hemm żieda ta’ 8.3% minn turisti li ġejjin minn pajjiżi barra l-Ewropa. L-infiq totali tat-turisti tela’ għal €329.6 miljun, żieda ta’ 2.8% ikkumparat mas-sena l-oħra. Kien hemm żieda sinifkanti ta’ 5.8% fejn jidħlu ljieli mqattgħin mit-turisti kkumparati mas-sena 2018, fejn dawn telgħu għal madwar 2.9 miljun lejl.

Tajjeb li wieħed jirrimarka wkoll li din iż-żieda irriflettiet tul is-sena kollha minn Jannar sa Awwissu, fejn b’kollox kellna żieda ta’ 4.7% mqabbla mal-ewwel tmien xhur tas-sena 2018, bl-ammont jitla għal 1,848,935 turist. L-istess jingħad għall-infiq totali tul dawn it-tmien xhur mit-turisti, fejn l-ammont zdied bi 3.9% u jammonta għal €1.5 biljun. L-iljieli totali mqattgħin f’dawn ix-xhur telgħu ukoll bi 3% u jammontaw 13.2 miljun lejl.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li dawn iċ-ċifri qed ikomplu jikkonfermaw kif il-ħidma li qed issir fis-settur tat-turiżmu qed tħalli l-frott tagħha.

Żied li flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed issir ħidma sabiex pajjiżna ma jibqax dipendenti biss minn turisti li ġejjin biss minn postijiet li tradizzjonalment jiffrekwentaw pajjiżna, iżda anki minn swieq ġodda bħall-Amerika, l-Awstralja, il-Kanada, l-Amerika ta’ Isfel, l-Asja u oħrajn.

Il-Ministru kompla billi jgħid, li grazzi għaż-żieda li kien hemm fl-infiq, l-ekonomija Maltija kompliet tissaħħah u hemm prospetti sbieħ għall-futur fejn dan qed jirrefletti f’riżultati li qed ikollha l-linja tal-ajru Nazzjonali, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u stakeholders oħra li qed jaħdmu id f’id mal-istess Ministeru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend