BIL-FILMAT: ‘M’għandix problema nixhed għax m’għandix x’naħbi’ – il-PM – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: ‘M’għandix problema nixhed għax m’għandix x’naħbi’ – il-PM

M’għandi l-ebda problema li nixhed fi kwalunkwe każ, għaliex m’għandix x’naħbi. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnlasti dwar rapporti fil-midja li mistenni jissejjaħ biex jixhed fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr: “M’għandi l-ebda problema li nixhed fi kwalunkwe każ. Ma nafx fuq xiex se nintalab nixhed imma m’għandix problema għax jien m’għandix x’naħbi.”

Il-Prim Ministru qal dan waqt li kien qed iwieġeb domandi tal-ġurnalisti fi tmiem żjara waqt il-Fresher’s Week fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid.

Mistoqsi jekk hux mgħarraf dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, il-Prim Ministru wieġeb hekk:

Il-Prim Ministru tenna: “Ma jkunx serju min-naħa tiegħi jekk nitlob dettalji. Fejn l-awtoriatjiet iħossu li għandi nkun naf xi ħaġa, mhux fuq id-dettalji tal-persuna imma xi ħaġa ġenerali. Każijiet fejn jingħataw dettalji l-uniku persuni li jiggwadannjaw minn dan huma s-suspettati, għax ikunu mgħarrfa li qed jiġu segwiti.”

Dr. Muscat tenna l-fiduċja sħiħa fil-ħidma li wettqu u qegħdin iwettqu l-awtoritajiet investigattivi.

“Jien ma noqgħodx fuq tweets u min jgħaddi l-Ħadd waranofsinhar jisparla. Noqgħod fuq l-awtoritajiet investigattivi, moħħni mistrieħ li għandna awtoritajiet li fi żmien 90 jum (50 jum) qabdu il-persuni li allegatament wettqu d-delitt u nemmen li jekk inħallu l-awtoritajiet jaħdmu jiġu arrestati u jkun hemm każ solidu fuq il-persuna jew persuni li kienu mandanti ta’ dan id-delitt”, sostna l-Prim Ministru, Joseph Muscat.

Mistoqsi dwar il-possibbiltà li Vince Muscat, wieħed mit-tliet akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia, jingħata l-maħfra presidenzjali, Dr Muscat la ċaħad u lanqas ikkonferma dawn ir-rapporti.

Il-Prim Ministru temm jgħid: “Kull darba li ġiet quddiemi, mhux f’dan il-każ, talba dwar maħfra presidenzjali nieħu l-pariri mill-istituzzjonijiet u noqgħod fuq l-esperjenza storika tal-pajjiż, li fost oħrajn juru li bil-maħfriet presidenzjali people walked free u ħadd ma jeħel xejn. Jien iż-żewġ affarijiet nagħmel.”

Intant it-Tnejn filgħodu Dr Muscat iltaqa’ ma’ mijiet ta’ studenti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST, fejn ingħata merbħa mill-isbaħ fuq il-kampus ta’ Raħal Ġdid.

Huwa deher jitkellem ma’ bosta inġiniera, terapisti tas-sbuħija, riċerkaturi, u artisti prospettivi u lkoll ħatfu l-opportunità li jieħdu stessu mal-Prim Minsitru bħala tifkira tal-bidu ta’ dan il-vjaġġ edukattiv tant importanti f’ħajjithom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend