Ispirat mill-kollezzjoni ta’ vari li kien jagħmel missieru kważi 50 sena ilu, Joseph Mangion minn Ħal Lija ddeċieda li jibdel dar ommu u missieru f’mużew tal-passat.
Mangion qal li b’differenza minn missieru, il-vari huma biss parti mill-kollezzjoni.
Missieri madwar 40 sena ilu kien jagħmel wirja ta’ vari antiki u jien għidt isma rrid nerġa’ nqajjem xi ħaġa bid-differenza li missieri kien mixħut fuq l-istatwi biss u jien irnexxieli narma dar b’stil Malti antik.
Tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-knisja tas-Salvatur, Joseph fisser kif il-lokalità ta’ Ħal Lija fil-preżent hija kwieta tul is-sena kollha għajr għal jiem tal-festa. F’dan l-isfond jittama li bil-mużew tiegħu flimkien mal-ftuħ ta’ Villa Francia għall-pubbliku, dan jista’ jinbidel.
F’Ħal Lija fil-festa għandu isem kbir imbgħad tgħaddi l-festa u biex jerġgħu jiġu n-nies trid tiġi festa oħra. Imma b’din l-inizjattiva naħseb li Ħal Lija ħa jirnexxieli nżommu mqajjem all year round.
F’din id-dar wieħed jista’ jinnota diversi linef u bozoz li llum m’għadekx tara bħalhom. Dan flimkien mal-għonella, kamra tas-sodda ta’ 150 sena ilu, kif ukoll senduq u kamra tal-għodda.
Missieri kien fuq l-istatwi imbgħad jien qbadt nikkollezzjona l-ħġieġ, fajjenza, xogħol fil-bozza u dak trid iż-żmien għalihom. Trid tonfoq flus kbar u importanti li l-oġġett ikun sewwa.
Spikkaw ukoll id-diversi bambini li fi kliem Joseph, kienu magħmulin b’diżinn li llum ukoll inqata’.
Hawnhekk għandi statwi li jmorru għal żmien Karlu Darmanin, dak li għamel is-Salvatur ta’ Ħal Lija, imbgħad għandi statwi bħalma huma bambini li huma xogħol ta’ Ħal Lija ukoll.
Joseph temm jgħid li fil-ġejjieni qrib ikun jista’ jagħmel din id-dar attrazzjoni turistika f’wieħed mill-iktar irħula tradizzjonali f’pajjiżna.
Jekk jiġi turist mhux ħa jgħid “Mort Ħal Lija biex ma rajt xejn.” Jien naħseb ħa jara ħafna u importanti jgħid “Isma kont Malta ġo dar f’Ħal Lija u qisni mort mużew.”