L-Isqof Mario Grech se jibqa’… – One News

Notifiki

L-Isqof Mario Grech se jibqa’…

Kienu bosta n-nies li staqsewni jew qaluli: ”Issa mhux se jibqa’ miegħek siehbek!”  Kienu qed jgħidu għall-Isqof Mario Grech,  li l-Papa għajjatlu ħalli jkun eventwalment is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-isqfijiet mid-dinja kollha.  Is-sinodu,  għal min ma jafx,  huwa ħolqien ta’ Papa Pawlu V1,  li kien ħolqu b’ittra fil-15 ta’ Settembru, 1965,  ħalli x-xogħol li kien sar fil-Konċilju Vatikan it-Tieni jitkompla u mhux kollox imur għall-istorja.

Għas-sinodu jissejħu isqfijiet mid-dinja kollha u l-ħsieb huwa li jagħti pariri lill-Papa fuq it-tmexxija tal-Knisja. Hija sessjoni konsultattiva,  insomma qisha assemblea parlamentari konsultattiva, bħal meta jiltaqgħu fil-Ġnus Magħquda, fil-Kunsill tal-Ewropa u ħafna organizzazzjonijiet oħra. U s-Segretarju Ġenerali jkollu t-tmexxija tagħha f’idejh.Dejjem wera li għandu sens ta’ mogħdrija lejn kulħadd, u mhux jitla’ fuq il-pulptu u jippunta subgħajh u jikkundanna. Jaf li l-bniedem huwa bniedem, u l-bniedem huwa dgħajjef. Waħda mill-pożizzjonijiet ċari tiegħu progressivi kienet dwar dawk li ż-żwieġ tagħhom falla u mhux bi ħtija tagħhom, u forsi bħala bnedmin daħlu f’relazzjonijiet eċċ. Ma riedx li dawn jibqgħu jgħidulhom le għat-tqarbin. Ħarġu għalih il-Kattoliċi konservattivi Ingliżi fil-Catholic Herald.

Issa qiegħed hemm, u sejjaħlu min verament jaqbel miegħu ħafna. Jekk Papa Franġisku huwa mixħut b’ruħu u ġismu għal qasam soċjali u għal min hu minn taħt, Dun Mario hekk ukoll huwa.

Ilni kważi 14-il sena li jkun fuq il-programm tiegħi fuq One Radio, Le m’initx waħdek,  kif jaqleb il-Ħadd, u l-ewwel nofs siegħa konna niddiskutu l-vanġelu tal-Ħadd stess. Din id-darba ma jistax ikun magħna għax qiegħed Ruma jitrawwem mill-Kardinal li llum huwa s-Segretarju Ġenerali biex jeħodlu postu kif jirtira.

Jien bgħatt ngħidlu li nistenna mingħandu. Darba kien qal li neħħa ħafna mpenji fuq radjijiet, imma fuq One żammu. Dejjem emmintu li qassis għandu jkun ta’ kulħadd u mhux politikant partiġjan,  u għalhekk naħlef li qatt ma deffistu b’xi mod fil-politika partiġjana.

U rċevejt mingħandu. Qalli li għandu t-taħbit Ruma,  imma se jkompli.  Naf li s-semmiegħa tal-programm,  huma ta’ liema kulur huma,  dejjem apprezzaw l-inkoraġġiment li jagħmel.

Persważ li fejn hu se jagħmel suċċess allura kliem żejda li nawguralu. M’għandux bżonn l-awguri tiegħi, imma għandna bżonnu nhar ta’ Ħadd !!!

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend