Mat-300 plejer tal-esports ħadu sehem fil-Malta Royale li ttellgħet waqt Playcon.
Playcon hija l-ewwel konvenzjoni tal-esports u l-iżvilupp tal-logħob diġitali li saret f’pajjiżna, fejn matulha ingħatat spinta lil dan is-settur emerġenti.
Fil-fatt il-Malta Royale rat il-parteċipanti jieħdu sehem f’tournament ta’ Fortnite, logħba tal-isparar u waħda mill-iktar logħob popolari tal-esports madwar id-dinja.
Andre Meruzzi mit-tim tal-Malta Royale spjega kif l-isfida f’tournament bħal dan hija l-mod kif jiġi kkomunikat dak li jseħħ waqt il-logħba.
Fisser kif fl-aħħar xhur ingħata opportunità li jaħdem direttament f’dan is-settur u għaldaqstant qed jipprattika xi ħaġa li jħobb.
Lil’hinn minn dan it-tournament, diversi kumpaniji u ndividwi ħadu sehem f’din il-fiera, li tul dan it-tmiem il-ġimgħa rat madwar 6,000 persuna jattendu għaliha.
Is-segretarju parlamentari Silvio Schembri qal li qed iħares ‘il quddiem biex fix-xhur li ġejjin dan is-settur ikompli jikber.