Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, fetaħ attakk aħrax fuq l-Imħallef Giovanni Grixti għax ma tax raġun lilu, lil Simon Busuttil u lill-grupp ta’ Manwel Delia f’kawża li fetħu l-Qorti bil-għan li jpoġġu tliet Ministri tal-Gvern taħt investigazzjoni.
Fil-gazzetta KullĦadd ingħad kif meta l-Qorti tagħtih imqar biċċa raġun, dan il-grupp ta’ nies joħroġ jiftaħar kemm imnalla jmorru l-Qorti biex tiġi mħarsa s-saltna tad-dritt.
Iżda, mal-mument li jitilfu kawża jibdew l-attakk fuq min ikun ħa d-deċiżjoni.
Nhar il-Ħamis, il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-grupp Repubblika rrappreżentata minn Azzopardi u Busuttil biex tibda inkjesta maġisterjali fil-każ tal-investimenti fl-Isptar San Luqa u sptarijiet oħra.
Fiha riedu jdaħħlu lill-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna.
B’reazzjoni għal dan Jason Azzopardi qal li “min ma jxommx l-intiena, jew imnieħru miżdud jew tant kemm hu maħmuġ li ma jistax ixomm l-intiena.”
B’ħafna jinterpretaw dak li qal Azzopardi bħala attakk ċar fuq l-Imħallef li ddeċieda l-każ.
Bid-dubju ma jdumx biex jinqata’ hekk kif avukat fil-klikka ta’ Manwel Delia, Edward De Bono, għamilha ċara li r-referenza kienet għall-Imħallef. DeBono kiteb fuq kumment ta’ Azzopardi u għamilha ċara li qed jirreferu għall-Imħallef.
Kumment li għalih Jason Azzopardi kien pront faqqa’ like. Għamlet like ukoll Rosette Thake, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Minkejja dan nies fil-Partit Nazzjonalista stess ma tantx ħassewhom komdi jikkummentaw fuq il-posts kontinwi ta’ Azzopardi tant li ġibdu l-attenzjoni tal-KullĦadd u sostnew kemm kienu xotti fejn is-soltu jħallu kummenti u reazzjonijiet.
Din mhix l-ewwel darba li esponenti tal-Partit Nazzjonalista attakkaw il-Qorti; Però issa ndraw li meta l-Qorti tagħtihom raġun ħafna ewforija u meta le jattakkawha.