Id-deputat nazzjonalista Edwin Vassallo ħareġ jattakka lil Helena Dalli, li mistennija tiġi approvata bħala Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza.
Edwin Vassallo kompla joħroġ fil-beraħ id-dubji li qed jintwerew mill-Partit Nazzjonalista dwar Dalli minkejja li l-Kap Adrian Delia qal li se jappoġġja n-nomina ta’ Helena Dalli.
Vassallo deher biċ-ċar li mhux jiġbed il-ħabel ta’ Adrian Delia u fuq il-profil tiegħu ta’ facebook qal li bl-approvazzjoni ta’ Dalli l-Ewropa hija miskina.
Il-kumment ta’ Edwin Vassallo ikompli jingħad ma dikjarazzjonijiet ta’ deputati nazzjonalisti oħra li flimkien mal-midja Nazzjonalista qed jattakkaw il-kredibbiltà ta’ Dr. Dalli.
L-attakk ta’ Vassallo isegwi dak tad-deputat nazzjonalista Karol Aquilina li propju attakka lil Helena Dalli waqt is-smigħ tagħha quddiem il-membri tal-Parlament Ewropew u għajjarha ‘crook’.
Dan apparti l-mod ta’ kif ġab ruħu fil-plenarja l-ewro parlamentari David Casa fejn għal dan kollu l-Kap Nazzjonalista sikket fommu u baqa’ jħalli kollox għal riħu.