L-ambaxxatur Ċiniz għal Malta Jiang Jiang faħħar ir-relazzjoni bilaterali eċċellenti bejn pajjiżu u Malta.
Pajjiżna kien wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej li stabillixxa relazzjonijiet bilaterali maċ-Ċina, lura fl-1972.
F’intervista esklussiva ma’ ONE News, Jiang spjega li minn dak iż-żmien sal-lum il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi baqgħet tissaħħaħ, minkejja li ż-żewġ pajjiżi huma mbiegħda u differenti ħafna fid-daqs tal-pajjiż u l-popolazzjoni.
Jiang fisser kif ir-relazzjoni bejn pajjiżna u ċ-Ċina qegħdin jikkoperaw flimkien fuq diversi inizjattivi, fosthom l-istrateġija li qed timbutta ċ-Ċina magħrufa bħala ‘The Belt and Road initiative’.
Din l-inizjattiva tal-gvern Ċiniż hija intiża biex fit-30 sena li ġejjin jiġi xprunat l-iżvilupp fl-infrastruttura u l-investiment f’iktar minn 150 pajjiż madwar id-dinja fosthom Malta.
Mistoqsi dwar opportunitajiet ta’ ħbiberija, l-ambaxxatur Ċiniż qal li fost l-oħrajn, jikber is-suq turistiku bejn iż-żewġ pajjiżi.
Jiang tkellem ukoll dwar is-sebgħin anniversarju mit-twaqqif tal-pajjiż. Spjega li minn dakinhar sal-lum iċ-Ċina mxiet minn pajjiż fqir għat-tieni l-ikbar ekonomija fid-dinja.
Fisser kif bħala pajjiż li llum jitqies bħala ġgant tal-komunità internazzjonali, għandu responsabilita li jippromwovi l-paċi u l-prosperità mal-erbat irjieħ tad-dinja.