“Min jinstab ħati ta’ vjolenza domestika għandu jintbagħat il-ħabs” – One News

Notifiki

“Min jinstab ħati ta’ vjolenza domestika għandu jintbagħat il-ħabs”

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għamlet referenza għal sentenza riċenti tal-Qorti tal-Appell Kriminali fejn persuna li nstabet ħatja ta’ reati serjissimi li jinvolvu vjolenza ta’ natura sesswali kellha l-piena ta’ ħabs effettiva ta’ tmintax il-xahar mibdula f’sentenza sospiża.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li ma tħossx li għandha tintrometti fuq ir-raġunijiet li wasslu lil Qorti tal-Appell biex tibdel sentenza ta’ ħabs f’każ daqstant serju. Madankollu qalet li l-Kummissjoni ma tistax ma tesprimix it-tħassib tagħha dwar il-messaġġ li tibgħat sentenza bħal din lil min jikkommetti dawn it-tip ta’ reati.

Il-Kummissjoni taħseb li min jinsab ħati ta’ vjolenza ta’ dan it-tip għandu jiġi kundannat għal piena ta’ ħabs effettiva. Sostniet li din għandha tkun in-norma u mhux l-eċċezzjoni.

Żied jingħad li dan huwa importanti f’kuntest fejn is-soċjetà trid twassal messaġġ ċar – li l-vjolenza kontra n-nisa m’għandhiex tibqa’ tiġi ttollerata.

Il-Kummissjoni awgurat li l-Qrati tagħna f’sentenzi futuri jirriflettu aħjar dak li wara kollox ried il-leġiżlatur meta permezz ta’ emedni riċenti żied sostanzjalment il-pieni li ghandhom jiskontaw dawk il-persuni li jagħmlu dawn it-tip ta’ reati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend