Il-Knisja tilqa’ l-iskema tal-‘equity sharing’ – One News

Notifiki

Il-Knisja tilqa’ l-iskema tal-‘equity sharing’

Il-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi tal-Knisja f’Malta laqgħet l-iskema tal-equity sharing u r-riforma li qed issir fil-qasam tal-kirjiet. 

F’dokument ippublikat mill-Kurja bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-baġit tas-sena d-dieħla, il-knisja ressqet numru ta’ proposti maqsumin fi tliet gruppi li jirriflettu l-miri għall-iżvilupp sostennibli tal-Ġnus Magħquda sal-2030.

Fil-qasam tal-kirjiet, il-Kummissjoni irrakkomandat biex il-gvern jikkunsidra soluzzjonijiet bħall-introduzzjoni ta’ garanziji li jista’ jagħti l-Gvern fuq self fuq proprjetà u/jew tnaqqis fl-interessi fuq is-self fuq il-proprjetà meta tinħadem it-taxxa fuq id-dħul.

Il-Kummissjoni laqgħet ukoll ir-riforma fil-qasam edukattiv biex ħadd ma jibqa’ lura. Semmiet fost l-oħrajn il-proġett MyJourney imniedi fl-aħħar snin, u pproponiet biex dan il-proġett jiġi estiż għal żgħażagħ akbar fiż-żmien u li sfortunatament ħarġu mis-sistema edukattiva qabel iż-żmien.

Fil-kuntest tal-mira tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar xogħol diċenti u tkabbir ekonomiku, il-Kummissjoni kellha kliem ta’ tifħir għar-rata ta’ tkabbir ekonomiku u l-livell baxx ta’ qgħad. Sostniet li r-riżultati miksuba qed ikunu saħansitra aħjar milli mistenni. F’dan l-isfond il-Kummissjoni appellat biex il-progress ekonomiku jkun wieħed sostennibbli.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll l-irwol tal-ħaddiema barranin u l-kontribut tagħhom fl-ekonomija Maltija. Hija ħeġġet lill-Gvern sabiex jiżgura li dawn il-ħaddiema jkunu ttratti bid-dinjità mistħoqqa.

Fir-rapport tagħha il-kummissjoni qalet li l-frott tal-progress għandu jitgawda minn kulħadd u li ħadd ma’ għandu jaqa’ lura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend