107,000 żjara bla ħlas fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta – One News

Notifiki

107,000 żjara bla ħlas fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta

Min-mindu ġiet introdotta l-iskema tal-passaporti tal-Heritage Malta, saru 107,000 żjara b’xejn f’wieħed mis-siti storiċi madwar Malta u Għawdex. 

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u Kultura Owen Bonnici f’attività oħra ta’ ‘Malta Ngħixu s-Suċċess Twettiq tal-Baġit 2019’, fejn stqarr kif mill-kitba issa wasalna għall-azzjoni.

Il-Ministru Bonnici stqarr li “Nemmnu li l-Baġit kien ta’ suċċess anke mhux għax biss ktibnih iżda wkoll implimentajnih…u b’hekk ftaħna l-bibien beraħ għall-poplu Malti għas-siti storiċi li tant iħobb.”

Il-Ministru Bonnici qal kif il-miżura li t-tfal kollha ta’ Malta u Għawdex jingħatalhom passaport biex flimkien ma’ żewġ adulti oħra jidħlu fis-siti storċi li jdawru lil Malta, kienet ta’ suċċess, u kien għalhekk li din twessgħet għall-anzjani.

Żied jgħid kif is-suċċessi li ġabet magħha l-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta hija eżempju ċar li n-nies qegħdin isiru aktar konxji u qed japprezzaw aktar il-wirt tagħhom, filwaqt li nkoraġixxa liż-żgħar biex iżuru u jitgħallmu dwar l-istorja u l-kultura tagħna.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal kif il-miżuri mwettqa jixhdu kemm Gvern Laburista jinteressah mill-Kunsilli u Reġjuni Lokali.

“Irnexxielna iva li nerġgħu nagħmlu qawmien lill-Kunsilli Lokali, lill-Gvern Lokali  fejn mhux biss is-Sindku li jiddeċidi, iżda naraw li n-nies kollha jkunu parteċipattivi f’dak li jkun qed isir fil-kunsilli lokali”, sostna s-Segretarju Parlamentari Parnis.

Żied jgħid kif dawn il-miżuri u skemi li daħlu matul s-sena li għaddiet saħħu u għinu lill-Kunsilli Lokali sabiex jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom favur ir-residenti Maltin u Għawdxin.

Silvio Parnis temm jgħid li għall-budget li jmiss il-Gvern ser jara kif se jgħin aktar lill-kunsilli Lokali fejn tidħol l-indafa pubblika tal-irħula.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend