Titnieda l-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali – One News

Titnieda l-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali

 

 

Malta għandha l-ewwel strateġija fid-dinja li se toffri programm ta’ ċertifikazzjoni għall-Intelliġenza Artifiċjali. 

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt edizzjoni oħra tad-Delta Summit li qed jerġa’ jsir f’pajjiżna bl-għadd ta’ parteċipanti jiżdiedu minn 4,000 is-sena li għaddiet għal ’l fuq sew minn 10,000 din is-sena.

L-istrateġija hija mibnija fuq tliet pilastri; l-investiment u l-innovazzjoni, u l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fis-settur pubbliku u anki dak privat.

Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna qed jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi u jkun ambizzjuż fl-attitudni tiegħu lejn is-settur tal-innovazzjoni diġitali.

Dan f’kuntest li pajjiżna qed ikun anki pijunier dwar dan il-qasam billi twaqqfet l-ewwel awtorità fid-dinja dwar l-innovazzjoni diġitali.

“Aħna rridu nkunu l-ewwel pajjiż li l-intelliġenza artifiċjali titħaddem sew”, saħaq il-Prim Ministru li fisser kif l-intelliġenza artifiċjali tista’ tkun għodda importanti għal bniedem li jrid iqatta’ iżjed ħin ta’ kwalità mal-għeżież tiegħu.

Dr Muscat semma wkoll is-setturi tal-blockchain, l-igaming u e-sports fejn Malta qiegħda toħloq eko-sistema b’saħħitha biex dawn is-setturi jaħdmu fis-sliem.

Id-Delta Summit ġie indirizzat ukoll mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-innovazzjoni u l-ekonomija diġitali Silvio Schembri.

Saħaq li Malta hija l-ewwel pajjiż fuq wiċċ din l-art li għandha qafas li jiċċertifika programmi tal-intelliġenza artifiċjali.

“Il-viżjoni tagħna hija li Malta tkun il-post minn fejn l-intelliġenza artifiċjali tiżboq u minn fejn l-intraprendituri joperaw il-proġetti innovattivi tagħhom”, qal Silvio Schembri.

Ma’ dan l-istazzjon temm jispjega kif din l-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali se titlaq timxi permezz ta’ 6 proġetti pilota fosthom żewġ proġetti li jolqtu liċ-ċittadin fil-ħajja ta’ kuljum.

Is-Segretarju Parlamentari Schembri sostna “Grazzi għal din it-tekonoloġija sitt pilot projects pereżempju traffic management. Naħseb li lkoll naqblu li din hija challenge għal pajjiż tagħna u allura grazzi għall-investiment kbir li qed isir fl-infrastruttura imbagħad coupled mat-teknoloġija hemm hekk nistgħu nagħmlu ħafna avvanzi. Semmejna l-utilities, l-istess affarijiet li għandek ġod-dar bid-dawl u l-ilma, grazzi għat-teknoloġija embeded fihom jista’ jkollok kontijiet orħos.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend