Imħabbra skema ta’ €5.5 miljun biex student ikomplu jistudjaw – One News

Notifiki

Imħabbra skema ta’ €5.5 miljun biex student ikomplu jistudjaw

Studenti li qed ifittxu li jagħmlu korsijiet ta’ studju fuq bażi full-time, u part-time fost l-oħrajn jistgħu japplikaw għal self ta’ finanzjament għal skema ġdida li l-Bank of Valletta ħareġ fejn fl-ewwel 5 snin ma tħallas xejn imbagħad tibda tħallas b’rata ta’ imgħax baxxa. 

Il-BOV Studies Plus+ hija għodda finanzjarja ġdida li se twassal biex l-istudenti li qed ifittxu li jkomplu l-istudji tagħhom ikollhom l-għajnuna meħtieġa b’garanzija li din id-darba qed jagħmilha l-Bank Malti għall-Iżvilupp imwaqqaf mill-Gvern.

Eżempju prattiku huwa dak fejn iż-żgħażagħ li għandhom ix-xewqa li jsiru bdoti, fejn il-kors fl-avjazzjoni kulħadd jaf li jqum ħafna flus, permezz ta’ din l-iskema, żagħżugħ jista’ jidħol għal kors ta’ pilota b’għajnuna imprezzabbli mingħajr ma joqgħod idur fuq il-ġenituri.

F’dan il-fond hemm disponnibli mal-5 miljun u nofs ewro.

Albert Frendo, uffiċjal għoli tal-bank enfasizza l-għan ta’ dan il-pakkett finanzjarju.

Frendo spjga li “Fejn hemm ammont ta’ flus li qed tisselef sa mitt elf ewro fuq terminu ta’ ħmistax-il sena jiġifieri l-ewwel ħames snin moratouirum kemm kapital kif ukoll imgħax, l-imgħax naturalment ma tħallsux inti. Mis-sitt sena naturalment jitħallas b’rata minima ta’ 2.95%.”

Il-Ministru għall-Finanzi l Edward Scicluna qal li dawn it-tip ta’ inizjattivi jħeġġu aktar nies biex jkomplu bl-istudju tagħhom u javvanzaw fil-karriera tagħhom.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kompla ma’ dak li qal il-Ministru Scicluna fejn stqarr li din l-inizjattiva kienet importanti ħafna biex jiżdiedu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ kollha.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia  qal li dan hu l-ewwel proġett li qiegħed isir minn fondi Ewropej mal-Bank Malti għall-Iżvilupp.

Il-ftehim biex tibda din l-iskema ġie iffirmat minn Josef Bonnici, l-President tal-Bank Malti għall-Iżvilupp u Albert Frendo min-naħa tal-Bank of Valletta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend