€64 Miljun Investiment fit-toroq arterjali ta’ pajjiżna fl-2019 biss – One News

Notifiki

€64 Miljun Investiment fit-toroq arterjali ta’ pajjiżna fl-2019 biss

Din is-sena 64 miljun ewro qegħdin jiġu investiti mill-aġenzija Infrastruttura Malta f’aktar minn 14-il proġett sabiex jittranġaw it-toroq arterjali ta’ pajjiżna. 

Apparti dan l-investiment, din l-aġenzija qiegħda tinvesti aktar minn 123 miljun ewro sabiex din is-sena jiġu ttranġati 290 triq residenzjali. Bix-xogħol fuq ħamsa u tmenin triq residenzjali tlestew fl-ewwel tmien xhur tas-sena. Investiment li qiegħed isir sabiex tinżamm il-wegħda tal-Gvern li jittranġaw it-toroq kollha ta’ Malta f’7 snin b’investiment ta’ 700 miljun ewro.

Dawn id-dettalji ingħataw mill-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura Ian Borg, li ta rendikont tax-xogħol li wettqet Infrastruttura Malta fl-ewwel sena mit-twaqqif tagħha.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fi Triq Buqana, waħda mit-toroq li reġgħet inbniet mill-ġdid u twessgħet sabiex tnaqqas it-traffiku u jonqos id-dewmien għas-sewwieqa.

Bħal din it-triq saru għadd ta’ proġetti oħra Triq Tal-Balal, Triq Ħal Luqa, Triq Ħal Qormi, Triq taċ-Ċawsli u Triq reġjonali – triq li qabel ma saru x-xogħlijiet fiha kien hemm medja ta’ inċidenza ta’ ħabta fil-ġimgħa, ħafna minnhom b’nies isofru xi ġrieħi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi fakkar ukoll fir-roundabout ġdida li nbniet fi Vjal il-Labour fin-Naxxar favur aktar sigurtà wkoll. Qal li se jsir proġett simili bejn Triq il-Kosta, Triq Sant Andrija u t-toroq li jagħtu għal Pembroke, High Ridge u l-Madliena sal-aħħar ta’ din is-sena. Fost għadd ta’ proġetti oħra immirati sabiex titjieb is-sigurtà u jonqos t-traffiku  semma toroq li għaddejja ħidma ma taqta’ xejn u li se tkompli fuqhom anki matul is-sena d-dieħla.

Azzopardi qal li “Għaddej xogħol kbir fuqhom mini ta’ Santa Luċija, Marsa junction u Triq Ħal Qormi proġett li se jitlesta fix-xhur li ġejjin.”  

Intant, sal-aħħar ta’ din is-sena l-aġenzija se tinvesti miljun ewro biex sal-aħħar ta’ din is-sena jkollna 6,700 siġra mħawla, kemm fi spazji miftuħa kif ukoll matul it-toroq artjerali u żoni għar-roti u pedonali.

Il-Ministru Ian Borg sejjaħ din is-sena bħala storika fejn l-aġenzija f’sena waħda biss wettqet dawn il-proġetti, li mhumiex biss qed iroddu l-investiment lura fl-ekonomija tagħna, imma qegħdin jagħtuna lura ħafna ħin prezzjuż hekk kif issa dejjem qed ikollna aktar toroq effiċjenti.

“L-effetti qegħdin jidhru u nies qegħdin jaraw id-differenza. Triq tal-balal, triq tal-malta post f’ħal qormi. Dan biex ma nsemmux is-700 miljun f’7 snin għal toroq residenzjali”, stqarr il-Ministru Borg.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend