Delia jsejjaħ fqar il-proġetti infrastrutturali li saru fl-aħħar sitt snin – One News

Notifiki

Delia jsejjaħ fqar il-proġetti infrastrutturali li saru fl-aħħar sitt snin

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ il-proġetti infrastrutturali li saru u qegħdin isiru f’pajjizna bħala faqar ta’ proġetti.

Delia stqarr: “il-faqar ta’ proġetti infrastrutturali ta’ Gvern mingħajr pjan fl-aħħar sitt snin.”

Il-Kap Nazzojnalista Adrian Delia kompla jikkritika l-proġetti infrastrutturali li qegħdin isiru f’pajjiżna fosthom il-bini ta’ ċentri ta’ saħħa ġodda, il-bini ta’ skejjel ġodda u proġetti fit-toroq ta’ pajjiżna bħal dak tal-junction tal-Marsa.

Saħansitra Delia qalilna li l-ebda proġett li wettaq dan il-Gvern ma tista’ tqabblu ma’ proġetti li saru fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti bħal dak tal-Isptar Mater Dei li dam 17-il sena biex inbena u sewa t-tripplu ta’ dak li kellu jiswa!

Dalli sostna “Ma kienx hemm imqar proġett wieħed meta tqabblu mal- 25 sena ta’ proġetti li biddlu wiċċ Malta.”

ONE News staqsa wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni jsemmi proġett infrastrutturali wieħed li qiegħed jipproponi l-Partit Nazzjonalista fid-dokument ta’ qabel il-baġit.

Iżda anki jekk kellu d-dokument quddiemu, Delia ma kienx jaf isemmi proposta waħda.

Meta ġie mistoqsi x’qed jipproponi, Delia wieġeb “Qed nipproponi diversi affarijiet imma staqsini meta nagħmlu l-press conference dwar dik il-materja.”

Anki jekk indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar id-dokument ta’ qabel il-baġit, Adrian Delia ma kienx jaf iwieġeb lanqas mistoqsijiet bażiċi. Fosthom b’kemm se tikber l-ekonomija bil-miżuri li qal li qed jipproponi Qalilna biss: “B’dawn il-miżuri t-tkabbir ikun totali. Life changing.”

Maqbud fuq sieq waħda, Adrian Delia qal li se jibda juża riga differenti biex ikejjel it-tkabbir ekonomiku li bih titkejjel kull ekonomija fid-dinja.

Delia tenna: “B’dawn il-miżuri l-ekonomija kemm tikber 3 percent, 4 percent ?  Mhux nitkellmu fuq t-tkabbir imkejjel b’dik ir-riga.”

It-tkabbir ekonomiku li esperjenza pajjiżna fl-aħħar snin, l-akbar tkabbir fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, wassal biex il-Gvern seta’ jdaħħal bosta skemi u inizjattivi ġodda li kienu ta’ spalla għall-familji Maltin fosthom iċ-childcare b’xejn, is-servizz tat-trasport b’xejn għall-istudenti kollha u mediċini ġodda għall-pazjenti bil-kanċer.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend