SCOOP mhux tal-ġelat – One News

Notifiki

SCOOP mhux tal-ġelat

Ikun hemm min jordna scoop jew tnejn tal-vanilla jew tal-frawli jew taċ-ċikkulata, naturalment ikun qed jitlob ġelat. Imma hemm scoop ieħor….tal-ġurnalisti. 

Fl-1 ta’ Ottubru, 2019, il-President tal-Qorti tkellem fuq l-inbix li jkollhom l-imħallfin minn ġurnalisti li jaħsbu li għandhom dritt jagħmlu mistoqsijiet, u jkollhom tweġiba sa ċerta data, għax ikun se jinkiteb artiklu. U ma jkunx kuntent li jkollu dak li tgħid il-Qorti bil-miftuħ kif obbligata tagħmel, imma huwa jrid li jagħmel scoop, jiġifieri joħroġ b’aħbar li ħadd ma jkun jaf biha.

Meta jsir hekk juri li l-ġurnalist ma jafx il-qasam tiegħu. Mhux se jistaqsi lill-Imħallef ma’ min iżomm fil-football, Malti, Taljan jew Ingliż,  imma jrid ikun jaf xi ħaġa li m’għandhiex tingħad qabel żmienha. Anzi jekk ikun hemm ittri li jikkonċernaw xi kawża pendent u tasal għand Imħallef,  dan obbligat li jibgħatha għand il-President tar-Repubblika ħalli jittieħdu passi. Jekk se jistaqsi fuq sentenza li ngħatat, allura għandu jmur u jkompli jomgħodha u mhux jagħmel mistoqsijiet fuq sentenza.

Huwa minnu li jkun hemm qrati li jkollhom il-press officers, imma dawn iwieġbu fuq ħwejjeġ li m’għandhomx x’jaqsmu mal-kawżi. Il-Qorti Ewropea tagħti informazzjoni liema kawżi se jinqatgħu imma mhux kif se jinqatgħu, u l-ebda mħallef ma jkun mistoqsi fuq dak li ddeċieda. Ma tarax! Min jibgħat mistoqsija lil xi mħallef ikun irid scoop, u mhux tal-ġelat.

Anzi hemm bżonn aktar enfasi fuq ġustizzja fl-istampa. Mhux ġustizzja fis-sens li jkun aktar dwar il-qrati, imma li dak li jiġi rrappurtat jagħti informazzjoni u mhux gossip. Eżempju ħela ta’ spazju fuq li raġel politiku ssepara mill-mara eċċ eċċ, jew fuq xi każ ieħor li minnu n-nies ma jitgħallmu xejn jekk isiru jafu xi dettalji. Hemm bżonn aktar ġustizzja wkoll li meta xi ħadd jiċċappas b’dak li jġibu fuqu fil-ġurnali, u wara jgħaddi ż-żmien u jinstab innoċenti, mhux jintesa u qiesu ma ġara xejn. Min ikun ċappsu għandu jkollu dmir li jara li jekk ma kienx haqqu,  inaddfu.  Imma dan ma jiġrix.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend