Il-ġenituri jqattgħu medja ta’ aktar minn ħames sigħat kuljum ma’ uliedhom – One News

Notifiki

Il-ġenituri jqattgħu medja ta’ aktar minn ħames sigħat kuljum ma’ uliedhom

Il-ġenituri Maltin iqattgħu ferm iżjed ħin ma’ wliedhom mill-medja Ewropea. 

Dan qalu l-Ministru għall-Familja Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha sar magħruf li wieħed minn kull erba’ persuni semgħu bil-kampanja li kien nieda l-Ministeru għall-Familja bil-għan li jitqajjem aktar għarfien  dwar it-trobbija pożittiva tat-tfal.

Il-ġenituri Maltin iqattgħu kważi sitt sigħat ħin ta’ kwalità mat-tfal tagħhom.

Filwaqt li 37% tal-ġenituri jqattgħu inqas minn ħames sigħat. Minn naħa l-oħra n-nanniet iqattgħu 17-il siegħa fil-ġimgħa man-neputijiet.

Matul il-kampanja fuq medda ta’ erba’ xhur il-messaġġ dwar il-ħin ta’ kwalità kien l-aktar wieħed li ħalla timbru.

L-aktar li semgħu l-messaġġ tal-kampanja kienu n-nisa ta’ età bejn il-45 u l-55 sena kif ukoll minn dawk li jagħmlu xogħol mid-dar.

Dan ħareġ minn stħarriġ li għamel l-Istatistiku Dr. Vincent Marmara, fejn minn kampjun ta’ 800 ġenitur ħarġu diversi riżultati li se jservu bħala pjattaforma għall-kampanji simili oħra.

Il-Ministru għall-Familja, Dr. Michael Falzon, spjega kif ir-realtajiet jinbidlu f’qasir żmien u li għalhekk l-iskop tal-istħarriġ jgħin biex kampanji futuri jkollhom impatt ferm aħjar fuq is-soċjetà.

Il-Ministru Falzon sostna li “Naħseb irridu mmorru anke oltre, l-ewwel nett nistgħu naħdmu ħafna forsi ‘l quddiem anke interministerjali pereżempju mal-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, hemmhekk nistgħu nagħmlu involviment aktar. U lil hinn mir-riżultati aħna nigwidaw lilna nnfusna, huwa xogħol, investiment fis-soċjetà tagħna sew għal dik tal-lum u forsi ftit aktar għal dik ta’ għada.”

Il-Professur Angela Abela, li fasslet l-istrateġija dwar it-trobbija pożittiva tat-tfal, qalet li pjan huwa li l-għarfien jibda minn meta l-omm tkun tqila bit-tarbija.

Il-Professur Abela qalet “Hemm ukoll programmi għall-ġenituri fejn ikun hemm separazzjonijiet pereżempju, biex jippreparaw lill-ġenituri biex jagħtu attenzzjoni lit-tfal anke f’dan iż-żmien kritiku, ukoll waqt l-iskola. Hemm programmi skont l-età tat-tfal, imma r-riċerka turi li aktar kemm tibda kmieni, iktar se tkun effettiv.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend